L‑Arċisqof Charles Scicluna se jordna djaknu lil Fra Ryan Dalli OFM Cap, nhar is‑Sibt li ġej, 3 ta’ Mejju 2025, fis‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Grazzja f’Ħaż‑Żabbar.
Il‑quddiesa bir‑rit tal‑ordinazzjoni se tibda fid‑9:30am u se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook Malta.
Fra Ryan Dalli, li għandu 34 sena u hu minn Ħaż‑Żabbar, ingħaqad mal‑Aħwa Minuri Kapuċċini fl‑2013 u ilu għal dawn l‑aħħar snin jipprepara għal dan il‑pass importanti bit‑talb, studju u ħidma pastorali. Bħalissa jgħix fil‑Kunvent tal‑Kapuċċini fil‑Furjana u jinsab fil‑ħames sena ta’ studju ġewwa l‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Fil‑ħamsa ta’ April 2024, Fra Ryan Dalli għamel il‑professjoni perpetwa mal‑Aħwa Minuri Kapuċċini fejn wiegħed li jgħix fil‑faqar (jiġifieri li ma jkollu xejn tiegħu), l‑ubbidjenza u l‑kastità.
Bl‑ordinazzjoni, id‑djaknu l‑ġdid isir xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id‑djaknu jiddedika ħajtu għall‑qadi bl‑imħabba lill‑poplu ta’ Alla, jassisti lill‑isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑sagrament tal‑magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ Nisrani u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jipprietka, u jmexxi t‑talb tal‑funerali. Id‑djakonat hu pass ’il bogħod mill‑ordinazzjoni saċerdotali.
L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Provinċja tal‑Aħwa Minuri Kapuċċini jitolbu għal dan d‑djaknu l‑ġdid u għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi bieżla u qaddisa fl‑għalqa tal‑Mulej li tinsab f’Malta.
//= $special ?>