Lokali Qorti

Probation għal raġel li hedded u weġġa’ lill-eks tfajla tiegħu

Raġel ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar ammetta li hedded u kkawża biża’ ta’ vjolenza lill-eks tfajla tiegħu, kif ukoll li ammetta li weġġagħha ħafif. L-Ispettur Colin Sheldon spjega li l-Pulizija fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika rċeviet telefonata mill-Pulizija stazzjonata fl-isptar Mater Dei.

Persuna partikolari kienet irrappurtat li individwu li kienet f’relazzjoni miegħu, kien ikkawżalha diversi ġrieħi wara argument vjolenti. Instema’ li l-koppja kienet ilhom f’relazzjoni għal 10 xhur qabel l-inċident.
Il-Pulizija mbagħad arrestat lill-akkużat li wkoll weġġa’ ħafif u ġie riferut lejn l-eqreb klinika tas-saħħa għall-kura.

Wara li nnutaw il-ġrieħi tiegħu, il-Pulizija infurmat lill-Qorti li se jitressqu akkużi wkoll kontra l-eks tfajla. It-tim tad-difiża talab lill-Qorti biex timponi sentenza ta’ probation abbażi ta’ ammissjoni bikrija, il-kooperazzjoni konsistenti tiegħu mal-Pulizija u fid-dawl ta’ kondotta nadifa tiegħu.

Għalhekk, huwa tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn mill-Maġistrat Rachel Montebello. Il-qorti ordnat projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet involuti fil-każ Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-eks-tfajla. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Colin Sheldon u Christian Cauchi.
Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.