Lokali

Quddies u talb għall-elezzjoni tal-Papa l-ġdid

Fil‑jiem li ġejjin sa qabel jibda l‑konklavi fis‑7 ta’ Mejju 2025, fil‑knejjes kollha tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta se ssir quddiesa għall‑għażla tal‑Papa l‑ġdid li tkompli b’nofsiegħa adorazzjoni fejn hu possibbli. Kull knisja se tqis liema hu l‑aħjar ħin xieraq għal din iċ‑ċelebrazzjoni liturġika u skont il‑bżonnijiet pastorali tal‑komunità.

Il‑bidu tal‑konklavi jitħabbar mill‑knejjes kollha billi fil‑jum tal‑ftuħ, il‑qniepen idoqqu mota ta’ kwarta fit‑tmienja ta’ filgħodu.

Sakemm jintagħżel il‑Papa, l‑Arċidjoċesi tħeġġeġ lill‑komunitajiet Insara sabiex jissieħbu fit‑talb permezz tal‑quddiesa ta’ kuljum u jitolbu għall‑Papa l‑ġdid.

Mat‑tħabbira tas‑Suċċessur ta’ Pietru, il‑Knisja lokali tingħaqad mal‑Bażilka ta’ San Pietru fil‑Belt tal‑Vatikan u tagħti din l‑aħbar ta’ ferħ bid‑daqq ta’ mota ta’ kwarta. Imbagħad, fil‑knejjes se ssir quddiesa b’talb speċjali għall‑Papa l‑ġdid.

Ċirkulari mill-Arċidjoċesi ta’ Malta infurmat b’dawn id-dettalji lill-knejjes kollha.

F’dan iż‑żmien importanti għall‑Knisja Kattolika, nitolbu biex il‑Mulej jagħti d‑dawl u l‑għajnuna tiegħu lill‑kardinali waqt il‑konklavi ħalli, fi spirtu ta’ dixxerniment, jagħmlu l‑għażla tas‑suċċessur ta’ Pietru li tkun skont il‑qalb ta’ Alla.