Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq ħsara ġewwa villa u fuq il-karozza tal-imgħallem tiegħu

Raġel ta’ 38 sena mill-Ghana ġie kundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati li għamel xi ħsarat fid-dar u fuq il-karozza tal-klijent tiegħu u fuq il-karozza tal-imgħallem tiegħu. Musah Ahmed, li jgħix Ħ’Attard, wieġeb mhux ħati kemm għal dawn l-akkużi kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.

Il-każ imur lura għal Novembru, 2024, meta r-raġel mar f’villa f’Birkirkara fejn kien qed jaħdem fl-elettriku flimkien mal-imgħallem tiegħu. Sid il-villa qal lill-Qorti, li l-akkużat mar f’daru waqt li hu flimkien ma’ familtu kien qed jieħu l-kolazzjon.

Tenna li r-raġel mar iħabbat fuq il-bieb ta’ barra, qabad u waddab is-siġġijiet fil-pool u għamel ħsara fid-dawl ta’ barra. Qal ukoll li għamel ħsarat f’karozza li kien hemm ipparkjata. Fil-Qorti, ħareġ li sid il-villa ċempel l-imgħallem tal-akkużat.

Dan mar fuq il-post u prova jikkalma lil Ahmed iżda qabel ma telaq, dan għamel ħsara fil-karozza tal-imgħallem stess. Pulizija xehdet li meta arrestat lill-imputat kellu fuqu turnavit, pajp tal-gass bir-regolatur u ktieb. Qalet li l-akkużat qalilha biex ma teħodlux il-Koran.

Ħareġ li qabel ma ttella’ l-Qorti r-raġel ġie rikoverat l-isptar Monte Carmeli fejn wara li saru xi testijiet fuqu ħareġ li kien pożittiv għal marijuana u kien qed ibati minn paranoja u mġiba aggressiva. L-akkużat iddeċieda li jixhed fil-każ tiegħu u qal li dakinhar ma kienx f’burdata tajba u li x’aktarx kien pejjep il-marijuana.

Huwa ddeskriva lil sid il-villa bħala raġel tajjeb ħafna u qal li kemm ilu Malta qatt ma għamel xejn ħażin. Stqarr li ma kienx jaf x’inhu jagħmel u li aktar tard sar jaf li kien pejjep ħaxixa sintetika. Ikkonferma li kien ħadem fuq xi dawl fil-villa.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Monica Vella, qieset li l-akkużat għandu kondotta nadifa u li kkopera mal-Pulizija. Madankollu, innotat li ma għamilx tajjeb għall-ħsarat li għamel. Għalhekk waqt li kundannatu sentejn ħabs ordnatlu jħallas €4,407.94 lil sid il-villa u l-€2,278.56 lill-imgħallem.

Ma’ dan, il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin. Ordnat biex din is-sentenza tgħaddi għand il-Kummissarju tal-Pulizija biex jara jekk l-akkużat jintbagħatx lura pajjiżu wara li jiskonta l-piena u jħallas id-danni.