Damian Buhagiar se jkun qiegħed jingħaqad mal-cast tal-musical rinomat Evita taħt id-direzzjoni ta’ Jamie Lloyd. Din il-produzzjoni se tkun qed tiġi organizzata fit-Teatru Palladium ta’ Londra.
Iż-żagħżugħ Malti, magħruf għall-wirjiet eċċezzjonali tiegħu, riċentament kien ħa sehem fil-musical Sister Act, ukoll f’Londra.
Iżda t-teatru mhux l-unika tieqa li nfetħet għal Damian barra minn xtutna. Dan hekk kif anke fuq it-televiżjoni Brittanika, kiseb rwol fis-serje televiżiva ta’ Gavin and Stacey.
Intant, b’rabta ma’ dan l-irwol il-ġdid fil-musical Evita, Damian insista li jinsab eċitat u sodisfatt li se jkun parti minn din il-produzzjoni filwaqt li ddeskriviha bħala opportunità fantastika anke minħaba l-fatt li l-bqija tal-membri tal-cast huma mgħonija b’talenti kbar.
