Nemmnu li l-isbaħ għal pajjiżna għadu ġej. Kliem poetiku ġej mill-Prim Ministru Robert Abela quddiem il-partitarji Laburisti li nġabru quddiem il-Ministeru għas-Saħħa fi Strada Merkanti – iżda kliem li immedjatament sfuma fix-xejn hekk kif għoġbu jattakka lill-Partit Nazzjonalista, fejn għall-oppost tad-Deputat Mexxej Ian Borg li qal li lesti jaħdmu ma’ kulħadd, Robert Abela ħareġ bir-retorika partiġġjana mimlija attakki u firda.
Il-Prim Ministru, fost l-oħrajn, għoġbu jigdeb dwar l-ambaxxata Amerikana f’Malta hekk kif dak li rrapportaw il-midja internazzjonali – fosthom l-Aġenzija Reuters – għoġbu jattribwieh lill-Partit Nazzjonalista.
Imbgħad, Robert Abela irredikola lil Lawrence Gonzi, li bħala Prim Ministru laħħaq President tar-Repubblika persuna ġej mill-kamp politiku oppost tiegħu, George Abela – ironikament, missier il-Mexxej Laburista tal-lum. Dan filwaqt li l-Prim Ministru ftaħar bil-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista fejn semma uħud mill-kumpaniji li fetħu l-bibien tagħhom f’Malta taħt Gvern Nazzjonalista fosthom il-Baxter u Lufthansa Technick, flimkien mat-TechnoPark tal-Mosta.
Robert Abela b’mod mill-aktar ironiku, attakka lill-MEPs Nazzjonalisti li allegatament joqgħodu għal intervisti kontrollati; l-istess Prim Ministru li f’5 snin sal-lum għadu m’aċċettax intervista ma’ Net News, jew dibattitu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista – jekk mhux ovvjament ikkontrollat.
Matul l-attivita…. l-għajta tal-ħaddiem l-ewwel u qabel kollox ma naqsitx filwaqt li insista li kull ħaddiem għandu d-dinjità li tixraqlu. Ironikament fl-istess jum li Melvin Theuma, li ngħata proklama, reġa’ tenna taħt ġurament, li Sandro Craus illum Sindku Laburista tar-Rabat, flimkien ma’ Keith Schembri, kienu tawh xogħol mal-Gvern biex ma jagħmel assolutament xejn – u ta’ dan huwa stmat li ngħata aktar minn €3,500 mit-taxxi tal-poplu.
Intant, aktar qabel, id-Deputat Mexxej Laburista u Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba infexx jgħajjat u jattakka lill-Partit Nazzjonalista u kull min huwa ta’ fehma opposta minnu.
Qalb il-ħrejjef fuq il-Partit Nazzjonalista li kien ibeżża’ biċ-childcare b’xejn – ħrafa mill-bidu sal-aħħar tant li kienet fil-programm elettorali tal-istess partit – huwa saħansitra uża’ kliem iebes biex iwerwer liċ-ċittadin.
U filwaqt li ddeċieda li jgħajjar lill-Unjoni Ewropea bħala waħda rieqda, kellu kliem iebes għal min iddeċieda li jaqta’ sentenza kontra l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.
L-istess skema li kien Joseph Muscat li ta bidu ghaliha minn wara dahar il-poplu flimkien ma’ Henley and Partners. U filwaqt li huwa minnu li eluf ta’ ewro ġew investiti minn din l-iskema, huwa fatt ukoll li din l-iskema, preżentament, qed titqies illegali.
Finalment Robert Abela f’Jum il-Ħaddiem, ma setgħax ma jonqosx milli jattakka s-Soċjetà Ċivili; minkejja li aspett importanti għad-demokrazija f’pajjiżna.
//= $special ?>