Lokali

FILMAT: Il-PN se jneħħi t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li taqla’ mill-part-time u l-overtime

Gvern ġdid Nazzjonalista se jibqa’ verament qrib il-ħaddiem. Bil-Kap tal-PN Bernard Grech iwiegħed li Gvern immexxi minnu jneħħi t-taxxa minn fuq l-ewwel €10,000 li jaqilgħu l-ħaddiema minn xogħol part-time… u anke minn fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ bħala overtime. Dawn il-flus, mhux se jiġu intaxxati.

Waqt li indirizza l-‘Festa Familja’ organizzata mill-PN f’Ta’ Qali fl-1 ta’ Mejju, Bernard Grech fakkar kif f’dan il-jum il-pajjiż jiċċelebra Jum il-Ħaddiem u l-21 anniversarju mis-sħubija fl-UE – pass li ġab miegħu opportunitajiet kbar għall-istess ħaddiema.

Hawn, Bernard Grech semma’ kif il-PN ilu jippreżenta soluzzjonijiet għall-ġid tal-ħaddiema. Iżda l-Gvern dejjem irreżista. Dan meta għandna 92,000 persuna fir-riskju tal-faqar… filwaqt li għandna ħaddiema illi minkejja li jagħmlu l-istess xogħol, ma jitħallsux l-istess.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN insista li l-pajjiż għandu għażla quddiemu: jew jibqa’ bis-sitwazzjoni kif inhi jew imur għall-bidla li tant għandna bżonn.

Fil-messaġġ b’saħħtu li wassal, Bernard Grech tkellem fit-tul dwar il-ħtieġa li l-pajjiż ibiddel ir-rotta lejn il-kwalità, u fuq il-bilanċ veru bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin li wieħed iqatta’ mal-familja.

U huwa għalhekk li l-pajjiż, kif tenna l-Kap tal-PN, għandu bżonn mudell ekonomiku ġdid – investiment f’setturi ġodda – kif ukoll jobs ta’ kwalità.

Intant, fil-bidu tad-diskors, Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Francis Zammit Dimech, li għal snin twal serva f’diversi rwoli fil-pajjiż u anke fil-PN.