Futbol Sport

Faċli għat-timijiet Ingliżi fl-Europa League u l-Conference League

(Ritratt: EPA)

Prattikament huma deċiżi l-finalisti tal-UEFA Europa League wara li kemm Manchester United u anke Tottenham Hotspur kisbu rebħiet komdi kontra Athletic Bilbao u Bodoe/Glimt rispettivament.

Manchester United kisbu rebħa ta’ 3-0 fi Spanja kontra Athletic Bilbao. It-tim ta’ Ruben Amorim fil-vantaġġ wara nofsiegħa b’daqqa ta’ ras tajba ta’ Casemiro. Athletic Bilabao sfaw jilagħbu bi plejer anqas wara li tkeċċa Dani Vivian għal penalty fuq Rasmus Hojlund. Mill-ħdax-il metru l-captain Bruno Fernandes ma żbaljax. Maħsudin bit-tkeċċja, Athletic Club sofrew gowl ieħor meta għal darb’oħra kien Fernandes li għamilhom 3-0.

F’Tottenham Hotspur Stadium, Tottenham għelbu lil Bodoe/Glimt 3-1. Bidu mill-aqwa għal Tottenham li marru fil-vantaġġ wara biss minuta permezz ta’ Brenan Johnson. James Maddison għamilhom 2-0 fl-34 minuta qabel ma’ penalty ta’ Dominic Solanke fil-61 minuta għamilhom 3-0. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għat-tim Norveġiż ġie wara fit-83 minuta minn Ulrik Saltnes

Mill-Conference League, Chelsea wkoll għandhom sieq fil-finali meta bl-aktar mod faċli barra minn darhom għelbu lil Djurgaarden 4-1. Jadon Sancho u Noni Madueke skorjaw fl-ewwel taqsima għal Chelsea biex imbagħad doppjetta ta’ Nicolas Jackson wara l-mistrieħ għamlet l-iskor 4-0. Isak Alemayehu Mulugeta għamel l-iskor aktar rispettabbli meta naqqas l-iskor għal 4-1.

Konfront aktar bilanċjat kien dak bejn Real Betis u Fiorentina li ntemm bl-iskor ta’ 2-1 favur it-tim Spanjol. Kienu Real Betis li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Abde Ezzalzouli. Antony rdoppja fit-tieni taqsima filwaqt li Luca Ranieri għamel l-iskor 2-1 fit-73 minuta.