Raġel ta’ 60 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq atti sesswali ma’ tfajla ta’ 17-il sena bil-Qorti tgħid li sal-aħħar mumenti tal-kumpilazzjoni l-imputat qatt ma wera rimors jew skuża ruħu għal dak li seħħ partikolarment ma tfajla u familtha li kienu laqawh ġo darhom.
Mill-kondotta aġġornata ta’ Spiridione Camilleri esibita fuq ordni tal-Qorti, jirriżulta li fost il-varjetà ta’ reati li nstab ħati dwarhom fil-passat, jirriżulta li nhar it-22 t’April, 2004 instab ħati li kkorrompa u issekwestraha minuri biex ġiegħla tagħmel atti u toqgħod ghal atti li joffendu l-pudur tagħha.
Fl-aħħar każ li huwa nstab ħati għalih seħħ fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Diċembru, 2020, meta wettaq atti sesswali, li beżżagħha, żammha kontra l-volontà tagħha u offenda l-pudur b’għemil li sar fil-pubbliku. Instab ħati wkoll li hu riċediv wara lista twila ta’ reati.
Fil-Qorti, pulizija xehdet li t-tfajla rrapportat li sfat vittma ta’ atti sesswali mill-akkużat. It-tfajla qalet mal-Pulizija, li l-akkużat kien sar midħla tal-familja u kienet issejjaħlu nannu. Stqarret mal-Pulizija li huwa kien iwassal lilha u lil sħabha anke tard bil-lejl.
Fir-rapport it-tfajla qalet li dakinhar tal-inċident bagħtitlu biex iwassal lill-għarusa tagħha mid-dar tagħha għad dar tiegħu. Qalet li wara wasslu lill-għarus, fi triqithom għad-dar tagħha beda jgħaddi minn toroq differenti u spiċċaw f’post mudlam.
Qalet li f’ħin bla waqt – waqaf u sakkar il-karozza. Qalet li ħareġ arma “qisha mannara” u għamililha m’għonqha. Sforz il-biża’ kienet lesta li tagħmel li ried basta jneħħi l-arma. Mal-Pulizija, it-tfajla qalet li l-akkużat heddidha “jekk twerżaq darb’oħra nħanxarlek rasek. Hawnhekk toqtol u tidfen, ma jsibukx”.
Qalet li beda jinża u jitlobha ċerta affarijiet u beda jbusha. Qalet li meta waqaf wissiha li jekk tikxfu kien se joqtolha. It-tfajla qalet lill-pulizija li kienet beżgħana għax qalilha li fil-passat ġieli għamel vendikazzjonijiet.
Qalet ukoll lill-pulizija li taha ċavetta ta’ karozza u qalilha meta ġġib il-liċenzja tkun tagħha u ċwievet ta’ post li jiġbor xi kera minnu lest ukoll li jagħtiulha. It-tfajla qalet li l-akkużat dejjem uriha rispett u kienet issejjaħlu nannu. Tenniet li qatt ma mmaġinat li seta’ jagħmlilha xi ħaġa hekk.
Hu qal li t-tfajla kienet tipprovokah
Mal-pulizija, Camilleri qal li t-tfajla kienet tipprovokah u tilbes skullat. Tenna li hu bniedem tad-demm u l-laħam bħal kulħadd u li kienet tibgħatlu messaġġi bil-bews. Mal-pulizija ammetta li fi triqithom waqaf Ħal Far u talabha tbusu. Qal li ġibed paletta tal-plastik, li l-vittma ħasbitha arma. Sostna li kienet hi wkoll li għamlet avvanzi sesswali.
Qal li verament fl-età jiġi nannuha iżda ħabbha u jirrispetaha. Ammetta li kienet qed tibża’ iżda baqa’ jirsisti fuq it-talba tiegħu u qal lill-pulizija “la għidtilha biex tbusni kellha tbusni. Xejn ta’ barra minn hawn imbilli tbusni wara sentejn”.
Tenna li “setgħet ċemplet il-mobile u ċċempel lil xi ħadd jiġi għaliha”. Madankollu, it-tfajla xehdet li bdiet iċċemplilha ommha u ma rrispondietx għax bdiet tibża’ u ħbiet il-mobile. Qalet li heddidha li joqtol lilha u lil ommha.
Fil-Qorti, l-akkużat ċaħad kollox u qal li talabha biss tbusu. Il-Qorti nnotat li fix-xhieda beda jħawwad u staqsietu għala kellu jwaqqaf il-karozza għal bewsa. Il-Qorti nnotat li l-vjaġġ ħa sagħtejn. Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Frendo Dimech qalet li t-tfajla kienet konsistenti u emmnet ix-xhieda tal-vittma.
Innotat li fil-messaġġi ta’ bejn l-akkużat u l-vittma, l-imputat qatt ma ċaħad li seħħ xi ħaġa ħażina bejniethom. Il-Qorti qalet li hedded minuri sakemm fl-aħħar ,mill-aħħar ħa li ried. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li m’hemmx dubju li l-istint bestjali tal-imputat fuq minuri irid jiġi kontrollat f’post fejn is-soċjetà tassigura ruħa li wliedha jibqaw protetti minn kreaturi bħalu.
L-istess fedina penali turi li t-theddid tiegħu anke fuq Pulizija saru biex ma jingħad xejn dwar theddid lejn persuni oħra. Il-karattru qarrieqi tiegħu jiġi rifless fil-kundanni diversi ta’ frodi li nstab ħati dwarhom. Karattru li ma jiddejjaqx jikkawża ħsarat volontarji u serq. Din il-lista twila ta’ reati diversi li nstab ħati dwarhom hi xiehda li Camilleri għandu jitneħħa miċ-ċirkolazzjoni tal-komunità mill-aktar fis.
Hu periklu u ta’ riskju mhux biss ghal minuri iżda ghal membri tas-soċjetà sħiħa. Camilleri fil-passat kien anke instab ħati ta’ resistenza ma uffiċjali tal-pulizija, turija ċara li la jirrispetta l-ligijiet u l-awtoritajiet ta’ pajjiżu li anke ma jiddejjaq xejn jikkalpestahom. Il-karattru anti-soċjali tiegħu jippervadi kull sentenza li ngħatat lilu kif tixhed il-kondotta twila u mżewwqa tiegħu.
Il-Qorti sabet lir-raġel ħati wkoll li offenda l-pudur jew il-morali b’għemil li sar f’lok pubbliku jew f’lok espost għal pubbliku kif ukoll li arresta, żamm jew issekwestra lit-tfajla kontra l-volontà tagħha, biex tiġi mġiegħla tagħmel xi ħaġa jew toqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha,
Huwa ma nstabx ħati li kkaġuna lill-vittma l-biża li sertintuża vjolenza kontriha jew kontra l-propjetà tagħha. Minbarra ħames snin ħabs il-Qorti ordnatlu jikkumpensa €1,500 lill-vittma. Ordnatlu wkoll jħallas €434 fi spejjeż tal-Qorti u ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur il-vittma u ommha. Ordnat ukoll li jismu jitnissel fir-reġistru tal-pedofli. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri.