Yorgen Fenech qalli biex il-bomba ma jagħmluhiex bħal ma għamlu ta’ Romeo Bone għax ma qatlitlux
Tingħata bidu għax-xhieda ta’ Melvin Theuma. Huwa kien ammetta li serva bħala middle-man fil-kummissjoni u qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa kien ingħata proklama u maħfra presidenzjali sabiex jgħid il-verità, u l-verità kollha.
Ix-xhieda teħodna lura lejn l-2017; huwa spjega li kien jaħdem bħala xufier tat-taxi l-lukanda Hilton u kien daħlu jaħdem hemm in-negozjant Yorgen Fenech.
Huwa spjega li l-ewwel ma kien jaf liz-ziju tiegħu, Ray Fenech, hekk kif sar jafu mill-Marsa. Iżda spjega li lura bejn l-2016 u l-2017, Yorgen Fenech stiednu jitla miegħu Franza jaraw iż-żwiemel u saħansitra jieħdu jiekol għandu.
Theuma spjega li circa 3 ġimgħat qabel ma ħabbar l-elezzjoni ġenerali tal-2017 Joseph Muscat, jiġifieri għall-ħabta ta’ April, Fenech stiednu fir-ristorant il-Blue Elephant biex jitħadded miegħu. Theuma qal li Yorgen Fenech staqsih jafx lil George Degiorgio iċ-Ċiniż u riedu jkellmu biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia.
Huwa saħaq li Yorgen ried joqtolha għax allegatament kienet se toħroġ informazzjoni fuq Ray Fenech iz-ziju ta’ Yorgen.

Melvin Theuma sostna li huwa għamel kuntatt ma’ Darren Debono, it-Topo, biex jagħmel kuntatt ma’ ħu ċ-Ċiniż, Alfred Degiorgio ‘il-Fulu’ – għax hu kellu aktar kunfidenza miegħu milli ma’ George.
Huwa spjega li mar ikellem lil Alfred Degiorgio taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa, fejn saħaq li “għandi bniedem li jrid joqtol lil Daphne Caruana Galizia” – b’Degiorgio jistaqsi jekk dan it-tali jħallasx. Huma ftehmu li jiltaqgħu jumejn wara l-Busy Bee tal-Imsida.
Degiorgio talab €150,000 u €30,000 depożitu.
Melvin Theuma spjega li ftit tal-jiem wara Yorgen Fenech qallu li kien se jċempillu Sandro Craus mill-Customer Care ta’ Kastillja. Prontament, Theuma spjega li Craus, dak li huwa Sindku attwali Laburista fir-Rabat, qallu li kellu jiltaqa’ maċ-Chief of Staff Keith Schembri.
Theuma spjega li huwa mar l-appuntament, Schembri qgħad idawwru f’Kastilja fejn iltaqa’ ma’ Sandro Craus ukoll – fejn ittieħed dak il-famuż ritratt. Huma qalulu wkoll li kellu impjieg mal-Gvern.

Melvin Theuma insista li hu ma kienx se jitlaq il-job tat-taxi – b’Sandro Craus u Keith Schembri jgħidulu tħabbilx moħħok għax ma kien se jitlef xejn.
Dan filwaqt li spjega li għamlulu interview l-għada fil-Ministeru tal-Familja fejn skont Theuma, l-interview ma damx aktar minn 5 minuti. Staqsewh jekk jaf jibgħat email u daqshekk, għalkemm f’ammissjoni tiegħu stess hu ma jafx.
Huwa insista li kien imniżżel li kien jaħdem x’imkien fuq il-karta, però insista “li jekk tistaqsini fejn kont naħdem, ma nafx!”
Melvin Theuma sostna li kien qed jirċievi ċekkijiet ta’ madwar €890. Huwa sostna li t-tielet ċekk dam ma ġie, b’Theuma jgħid li kellem lil Yorgen Fenech – biċ-ċekk prontament jerġa jibda jiġi kull xahar – sakemm mal-5 ċekk reġa’ ma daħalx. Huwa spjega li ċempillu ċertu wieħed Tony Muscat li qallu jekk trid tibqa’ titħallas trid tibda tidħol għax-xogħol, bil-pagament jieqaf hemm.
Yorgen Fenech jerġa’ jordna l-qtil ta’ Daphne malli tela’ l-Labour
Melvin Theuma spjega li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, Yorgen Fenech ċempillu biex ikellmu sabiex iwaqqaf kollox b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Theuma insista li dan seħħ f’dak il-jum stess ċioè l-1 ta’ Mejju 2017.
Huwa spjega li reġa’ ltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio u qallu biex iwaqqaf kollox. Theuma spjega li biex ma jnaffarx lil Fulu ħallas minn butu €1,500 f’kontanti minn butu.
Theuma sostna li Yorgen Fenech lagħab €150,000 kontanti fuq l-idejn li l-Partit Laburista kien se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali – b’Fenech jirbaħ €300,000 fuq l-idejn.
Huwa spjega li dakinhar tar-riżultat tal-elezzjoni, il-Ħadd meta tela’ il-Labour, Fenech ċempillu biex jerġa’ jibda jmexxi kollox b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda Theuma dehrlu li Fenech kien fis-sakra.
Madanakollu ġimgħatejn wara Fenech reġa’ ċempillu biex imur għalih u jieħdu l-ajruport. U dakinhar tah €150,000 kontanti f’envelope biex itih lid-Degiorgio biex b’dawn skont Fenech “noqtol lil Daphne Caruana Galizia”.
Ix-xhud spjega li Yorgen Fenech ibbumbardjalu mobile biex iħeġġiġhom biex joqtluha, “Mur u għidlu joqtolha, mur u għidlu joqtolha għax se toħroġli l-informazzjoni!” Theuma hawn saħaq li ma bediex jemmen li Yorgen Fenech ried lil Caruana Galizia mejta għax kienet se toħroġ informazzjoni fuq zijuh…imma għax kienet se tikxef lilu.
Fenech jgħid li ma riedx li l-bomba tkun bħal ta’ Romeo Bone għax ma qatlitlux
Theuma spjega li Alfred Degiorgio ħadu l-Bidnija mnejn kien qiegħed isus lil Daphne Caruana Galizia u r-residenza tagħha sabiex jurih li kien qiegħed jagħmel xi xogħol. Huwa spjega li dan kollu diġà qalu lill-Pulizija lura f’Diċembru tal-2019.
Theuma sostna li Alfred Degiorgio wissieh biex ma’ jgħid xejn lit-Topo, għax kienu se joqtluha hu, ħuh George u Vince Muscat il-Koħħu. Sa issa, Melvin Theuma saħaq li ma kienx jaf kif kienu se joqtluha.
Intant, Theuma sostna li Fenech qallu li dawn kienu l-istess nies li għamlu bomba lil Romeo Bone fl-Imsida. Yorgen Fenech kien inkwetat li ma joqtluhiex imma jaqtghulha saqajha biss bħal m’għamlu lil Bone. B’Alfred Degiorgio, skont Theuma, qallu li le ma kienx se jsir l-istess ħaġa.
Theuma spjega li Yorgen Fenech kien spjegalu li Daphne Caruana Galizia kienet tkun f’ristorant ir-Rabat u kafetterija n-Naxxar – b’din l-informazzjoni jagħtiha lil Fulu minnufih.
Melvin Theuma insista li Yorgen Fenech kellu “ġenn, ġenn kbir” biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.

Melvin Theuma saħaq li l-unika u l-ewwel darba li tkellem ma’ George iċ-Ċiniż fuq Daphne Caruana Galizia u l-qtil tagħha kien biss taħt it-tinda tal-patata b’Theuma jisħaq li George Degiorgio qallu, “mietu daqstant bullijiet, ma tmutx din?”
Hu qed jibqa’ jinsisti li ma kellux idea kif se joqtluha – iżda Yorgen Fenech kien għamillu premura biex ma jagħmlux l-istess żball bħal ta’ Romeo Bone għaliex lilu kull ma għamlulu qatgħulu saqajh.
“Jien ġejt skjav tad-dnub, rimors li rrid nġorr għomri kollu”
Theuma sostna li sar jaf li qatlu lil Daphne Caruana Galizia minn fuq it-televiżjoni meta bdiet toħroġ l-aħbar li l-ġurnalista nqatlet permezz ta’ karozza bomba fejn hemm ammetta li qabditu biża’ kbira, rimors liema bħalu – rimors li għadu sal-lum iġorru.
Huwa saħaq li mar jiltaqa’ ma’ Fenech fejn qallu x’beda jħoss, b’Theuma jisħaq li ma kellux għalfejn iħabbel moħħu għaliex il-Pulizija ta’ barra kienu se jaħdmu bħal ta’ Malta.
Theuma spjega li minn dakinhar ‘l hawn baqa’ dipendenti fuq il-kalmanti.
Madwar ġimgħa wara x-xhud spjega li Alfred Degiorgio talbu €5,000 oħrajn mal-€120,000 li kien għad fadallu jitħallas għall-omiċidju, minħabba l-ispejjeż żejda – bil-flus jagħtihomlu f’kontanti f’garaxx f’Wied il-Għajn.
Theuma saħaq li dawn il-€5,000 ħariġhom hu minn butu – b’Theuma kumplessivament joħroġ €6,500 minn butu.
Beda jibża’ li Yorgen Fenech kien se joqtol lilu wkoll – tant li għamel testment
Madwar 3 ġimgħat wara Fenech iltaqa’ ma’ Theuma fi sqaq f’Ħaż-Żebbuġ fejn qallu li l-eżekuturi għandhom il-problemi għaliex l-investigaturi sabu l-messaġġ li bih iddetonaw il-bomba.
Theuma spjega li minnufih mar jinforma lill-Fulu b’dak li qallu Yorgen Fenech, b’Degiorgio jgħid lil Melvin Theuma biex ma jħabbilx moħħu.
Jum ieħor reġa’ avviċinah Yorgen Fenech u qallu li fil 5 ta’ Diċembru tal-2017 kien se jkollhom raid qawwi taħt it-tinda tal-patata. Dan ifisser li Fenech u Theuma kienu jafu b’dan ir-raid erbat’ijiem qabel – bid-Degiorgio jkun infurmat mill-istess Theuma.
Madanakollu r-raid sar ġurnata qabel, fl-4 ta’ Diċembru tal-2017.
Theuma hawnhekk stqarr li wkoll sar jaf bir-raid minn fuq it-televiżjoni, mikul għal kollox mill-biża’, konvint li daħal għal xi ħaġa akbar minnu.
Ix-xhud saħaq li beda jibża’ li se jikxfuh mal-Pulizija iżda beda jibża’ wkoll minn Yorgen Fenech, għaliex bħal ma qatel lil Daphne Caruana Galizia, aħseb u ara x’seta’ jagħmel lilu.
Tant kellu din il-biża’ li mar jikteb testment.

Melvin Theuma spjega li prova jneħħi ħajtu b’idejh, iżda ħa pass lura għax irrealizza li jekk imut hu, il-każ kien jieqaf u beda jġib quddiem għajnejh lil Fenech sieq fuq sieq ħieles.
Theuma sostna li tant kemm kien jidher ħażin li Yorgen Fenech nduna u tah €5,000 biex isiefer Londra bihom ħa jħossu aħjar.
Ix-xhud spjega li minn sa ġimgħa wara li kienu arrestati – it-tlieta li huma, George u Alfred Degiorgio flimkien ma Vince il-Koħħu, beda jagħtihom €100 fil-ġimgħa. B’Yorgen Fenech ma riedx jagħtihomlu u beda jinjorah.
Huwa insista li ta’ dan id-delitt, Yorgen Fenech ma tah assolutament xejn.
“Ibża’ minn ta’ ġewwa u mhux minn ta’ barra” – L-aħwa bdew jitolbu Theuma l-flus
Agħar minn hekk, ħuhom, Mario Degiorgio talbu €30,000 spejjeż tal-avukat, b’Yorgen Fenech prontament jagħtihomlu.
Huwa spjega li wara li l-mara tal-Koħħu staqsiet mnejn kienet ġejja l-€100, waqqaf il-ħlas tiegħu u għaldaqstant beda joħroġ €200 fil-ġimgħa, flimkien ma xirja laħam.
Theuma sostna li dan il-ħlas baqa jagħmlu sakemm arrestawh.
Ix-xhud spjega li xi 3 ġimgħat wara li tah it-€30,000, reġa’ talbu l-istess ammont madanakollu din id-darba rieduh b’self fuq id-deheb ta’ George Degiorgio; arloġġ Rolex bid-djamanti, ċappetta u ġiżirana tad-deheb ħoxnin.
Madankollu din id-darba Yorgen Fenech tah €25,000 flok l-ammont li riedu l-aħwa, b’Theuma jispiċċa joħroġ €5,000 minn butu.
Theuma sostna li qalulu kellhom bżonn xi flus għax kellhom iħallsu xi esperti Taljani, darb’oħra kellu jħallas €70,000 spejjeż legali ta’ ċertu avukat Cuschieri.
Melvin Theuma spjega li ħuhom Mario talbu €60,000 għall-pleġġ – b’Yorgen Fenech itihomlu – dan fl-sitess waqt li Yorgen Fenech qed jagħtihom aktar minn €2,000 fil-ġimgħa.
Melvin Theuma ried jixkef mal-Avukat Jason Azzopardi imma reġa’ darlu
Melvin spjega li kien f’dan il-perjodu li beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech, l-istess perjodu li Fenech qal lil Theuma li kien infurmat li Vince Muscat il-Koħħu kien lest jikxef kollox għax ried il-proklama. B’Yorgen Fenech sussegwentament jgħidlu biex jibdew jitkellmu fuq Signal għax iktar sigur.
Theuma saħaq li bid-dwejjaq li kellu mar jagħmel lejl jixrob. L-għada filgħodu ċempel lill-Avukat Jason Azzopardi u qallu li ried jitkellem fuq “il-każ il-kbir” b’Azzopardi jgħidlu li kien imsiefer u gwidah iċempel lill-Avukat Karol Aquilina. Madanakollu Theuma saħaq li waqgħetlu l-battery tal-mobile….u sussegwentament spiċċa ma tkellem qatt ma’ Aquilina.
Fl-Awla l-Avukat Jason Azzopardi jidher jaqbel b’sinjal b’rasu ma li qed jixhed hawnhekk Melvin Theuma.
Melvin Theuma sostna li Yorgen Fenech qallu biex imorru jfittxu lil tal-Maksar għax il-Koħħu kien qed jikxifhom li huma kienu ħadmuha.

Theuma jgħid li Kenneth Camilleri qallu li t-3 eżekuturi kienu se jieħdu €1,000,000 kull wieħed
Melvin Theuma stqarr li ċempillu ċertu wieħed Johann Cremona s-Sigarr li kien qed jikrilu ħanut f’Ħal Qormi, fejn dan saħaqlu li ried ikellmu wiċċ imb’wiċċ u fethmu li jmorru jitkellmu.
Johann mar aktar tard filgħaxija d-dar ta’ Theuma, akkumpanjat minn Kenneth Camilleri jaħdem Pulizija ma tat-traffic kif ukoll uffiċjal tas-sigurtà f’Kastilja.
Melvin Theuma sostna li Kenneth avviċinah u staqsih x’inqala ma’ Yorgen Fenech b’Theuma jitolbu biex it-tlieta li huma; Alfred u George Degiorgio flimkien ma’ Vince… jieħdu l-pleġġ.
Bix-xhud jisħaq li Camilleri mar jagħmel prontament telefonata, u wara mar fuqu u qallu li dawn kienu se jieħdu pleġġ fit-22 tax-xahar u miljun ewro kull wieħed f’bagalja.
Melvin Theuma insista ma Yorgen Fenech biex jgħidlu minn fejn ġie Kenneth Camilleri u min qallu biex imur ikellem lilu. Fenech hawnhekk qallu li ma jafx, b’Theuma jinsistilu bgħatux Keith Schembri peress li Fenech u Schembri skont Theuma kienu “biċċa waħda.”
Ġurat skwalifikat wara li nqabad b’tablet fil-kamra; jgħid li kellu bżonnu minħabba “l-alarm ta’ filgħodu u biex jieħdulu ħsieb il-pjanti fil-ġardina”
Fl-ewwel xhieda tal-lum ta’ Christianne Borg instemgħa kif wieħed mill-membri tal-ġurati, li l-identità tagħhom għandha tinżamm taħt anonimità assoluta, kellu fil-pussess tiegħu ‘tablet’ – bix-xhieda tar-rappreżentanza fil-Qorti tgħid li dan sar magħruf wara li daħal messaġġ mill-mara tiegħu fejn indikat li tinsab inkwetata.
Fix-xhieda intqal kif dan il-ġurat uża t-tablet biex jikkomunika mat-tifel biex jieħu ħsieb il-bitħa. Intqal kif il-ġurati huwa pprojbiti milli jagħmel dan minħabba riskju ta’ influwenza esterna.
Joyce Agius, spjegat li l-ġurat inkwistjoni ammetta minnufih li kellu tablet fil-pussess tiegħu minħabba l-alarm biex iqum filgħodu u biex jikkomunika ma’ uliedu biex jeħdulu ħsieb il-pjanti fil-ġardina. Hi spjegat li t-tablet ġie elevat, hu preżentat bħala evidenza fil-Qorti.
Dan filwaqt li l-ġurat kien mitlub biex jippakkja u jitlaq minnufih minn fejn jinsabu, ċioè kien skwalifikat.
Intant, iċ-Chief Marshall John Micallef spjega li l-Qorti kien infurmat li dan il-ġurat kellu tablet fil-kamra, bil-ħidma tiskatta l-Erbgħa filgħaxija.
Mistoqsija mid-Difiża jekk sarux aktar tfittxijiet b’rabta mal-bqija tal-ġurati l-oħrajn, l-Imħallef insistiet li hi mhux se tkun qed tordna tali searches għaliex ma tistax.
Intant, it-tablet flimkien mal-mobile tal-Qorti ingħata lill-espert tal-Qorti Martin Bajada biex jeżamina l-evidenza.
Ġurat iħossu ma jiflaħx
Intqal ukoll li wara li ħassu ma jiflaħx il-ġurat numru 5 skont ix-xhieda ta’ tat-tabib Gary Magri Gatt, l-Imħallef ordnat sabiex dan teżentah mill-bqija tal-ġuri u sejħet għal ġurat supplimenti.
Lura fl-Awla 22 hekk kif qed jissokta l-ġuri ta’ Robert Agius u Adrian Agius (l-Aħwa tal-Maksar), Jamie Vella u George Degiorgio. Filwaqt li Robert Agius u Vella jinsabu akkużati li prokuraw il-bomba li assassinat lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Adrian Agius jinsab akkużat li kkummissjoni l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop lura fl-2015.
Intant Jamie Vella flimkien ma’ George Degiorgio jinsabu akkużati bħala l-eżekuturi tal-qtil ta’ Chircop.
Filwaqt li l-irġiel qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontrihom, aktar kmieni tul din il-ġimgħa l-ġurati semgħu xhieda fil-Qorti fejn intqal li l-bomba li qatlet lill-ġurnalista ġiet magħmula minn ċertu Kevin Ellul, magħruf bħala d-Double O – filwaqt li ġie allegat ukoll minn l-istess Nicole Brignone li telgħet tixhed fuq il-pedana l-għada…li Keith Schembri, flimkien mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat kienu involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – fatt li Muscat ċaħad kategorikament u ddeskriviha bħala gidba faħxija.
Għal prosekuzzjoni qed jidhru Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li bħala Difiża, Nicholas Mifsud qed jidher għal Adrian Agius, Ishmael Psaila u Amadeus Cachia għal Jamie Vella, Alfred Abela u Rene Darmanin għal Robert Agius u Noel Bianco flimkien ma’ Leslie Cuschieri għal George Degiorgio.
Dan filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jassistu lill-familja Caruana Galizia filwaqt li l-Avukat Vince Galea qed jirrappreżenta lill-familja ta’ Carmel Chircop.
Il-każ ikompli quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
