Internazzjonali

L-ewwel xquq fil-Gvern ta’ Trump??? Mike Waltz se jispiċċa minn konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali

Mike Waltz, għal snin sħaħ wieħed mill-akbar kollaboraturi tal-President Amerikan Donald Trump, se jispiċċa din il-ġimgħa mir-rwol ta’ Konsulent Ewlieni dwar is-Sigurtà tal-Istati Uniti.

Dan ifisser li Waltz sar l-ewwel membru tal-Ogħla Amministrazzjoni magħżulha minn Trump li qed jitlaq ‘pjuttost malajr’ — u li, skont xi osservaturi, jista’ ikun indikattiv tal-‘ewwel xquq’ fil-Gvern Amerikan li qed jintroduċi politika arbitrarja u kaotika li heżżet kull forma ta’ stabbilità fl-Istati Uniti u ‘il hinn minnha.

Fil-verità ftit kienu jemmnu li Waltz seta’ joħroġ ‘qawwi u sħiħ’ mill-akbar żball li qatt twettaq minn uffiċjal Amerikan fil-pożizzjoni tiegħu.

Dan wara li Mike Waltz kien ħoloq group chat fuq is-sit ‘Signal’ fejn suppost li kellu jiddiskuti mal-ogħla kapijiet tal-Gvern Amerikan dwar l-attakki militari li l-Istati Uniti kienet qed tippjana fil-konfront tal-milizji Houthi fil- Jemen….Intant, ġurnalista prominenti — kontra kull mistenni u kontra kwalunkwe protokoll — kien sab ruħu involut ma’ dan il-grupp esklussiv ta’ uffiċjali u fejn sar jaf dwar id-dettalji ta’ azzjoni li suppost kellhom jibqgħu strettament klassifikati bħala ‘xi ħaġa tal-Istat’.

  • Il-Gvern Amerikan kien għamel l-almu tiegħu biex itatfi l-‘fallout’ ta’ dan in-nuqqas li fost oħrajn ipperikola sew lis-sigurtà nazzjonali u fost l-insistenza ( li ftit kienet emmnuta) li miċ-chat ma ħarġitx xi informazzjoni klassifikata b’mod li jkun detrimentali għall-pajjiż.

Iżda jidher li d-destin ta’ Waltz kien deċiż diġà minn dak il-ħin, bil-White House f’Washington jistenna għaż-żmien adatt biex jieħu azzjoni — u ladarba naqas ftit mill-furur dwar ‘Signalgate’.

It-tluq ta’ Waltz, sadanittant, qed ikun ikkonfermat fl-istess ġimgħa meta Donald Trump qed jiċċelebra l-ewwel 100 jum bħala President tal-Istati Uniti.