Lokali

“Malta saret ġirja sfrenata fejn il-bniedem sar biss numru”

Waqt l-attività ta’ ċelebrazzjoni li saret f’Ta’ Qali mill-PN, tliet kelliema żgħażagħ qiesu l-ħajja f’pajjiżna bħala ġirja sfrenata wara n-numri; tant li anke kull persuna saret titqies biss bħala numru.

Annabelle Cilia, li hija omm u ħaddiema, qalet li hi bħal kull omm oħra, tixtieq tara l-aqwa Malta għall-ġenerazzjonijiet li għadhom ġejjin. U kien hawnhekk fejn fissret kif kull persuna, hi min hi, għal dan il-Gvern saret tfisser biss numru. Hija esprimiet tħassib dwar jekk it-tfal ta’ llum humiex se jikbru f’Malta li tapprezza l-familja, tappoġġja lill-ħaddiema u tagħti spazju għal ambizzjoni – speċjalment fost in-nisa.

Indirizza wkoll din l-attività student u ħaddiem, Neil Camenzuli fejn qal li illum il-ġurnata ir-realtà għall-istudenti hi waħda – dik li jispiċċaw jissallbu biex jipprovaw ilaħħqu mal-ħajja waqt li qed ilestu l-istudju tagħhom. U allura dan ifisser li jaħdmu numru eċċessiv ta’ sigħat waqt li qed jistudjaw biex ilaħħqu mal-ispejjeż bażiċi, bħall-ikel u materjal skolastiku.

Esprima wkoll li għalkemm jaqbel li xogħol part-time jista’ jkun esperjenza ta’ tagħlim u preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol, f’din is-sitwazzjoni ekonomika, dan sar mezz ta’ sopravivenza aktar milli opportunità edukattiva. Qal li minflok jibbenefikaw minn din l-esperjenza, ħafna studenti spiċċaw priġunieri tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż.

Min-naħa tagħha, iż-żagħżugħa Ylenia Montfort fissret id-differenza ċara li hi stess tara bejn il-politika tal-Partit Nazzjonalista, u l-mod kif qed imexxi l-Gvern.

Fl-aħħar nett, tkellmet iż-żagħżugħa Ylenia Montfort li semmiet b’mod ċar id-differenzi li hi tara bejn il-politika tal-Partit Nazzjonalista u dak li qed joffri l-Gvern attwali. Semmiet kif il-Gvern preżenti naqqas it-telework, b’riżultat li ħin li seta’ jintefa’ mal-familja issa qed jintilef fit-traffiku u vjaġġar bla bżonn.

Fakkret kif il-PN diġà ħabbar inċentivi għal min joffri arranġamenti tax-xogħol flessibbli. Semmiet ukoll kif il-Gvern għadu jġib taxxa fuq il-COLA – xi ħaġa li l-PN wiegħed li jneħħi – u kif l-istess Gvern baqa’ jkompli jeqred l-ambjent, waqt li l-PN qed jħares lejn l-ambjent bħala dritt fundamentali u mhux bħala ostaklu.

Ylenia sostniet li l-politika tal-Gvern Laburista qed tnaqqas id-drittijiet taċ-ċittadini, filwaqt li l-PN kompla jimmira li jagħti iktar saħħa lin-nies permezz tar-riformi tiegħu. Intant, kompliet li filwaqt li l-Gvern qiegħed jippreżenta viżjoni għal 25 sena oħra li tidher bil-kitba, il-PN qed jagħti viżjoni immedjata b’proposti konkreti u prattiċi. Saħqet ukoll li Gvern li jinjora lil Għawdex mhux paragun ma’ Gvern alternattiv li diġà għamel proposti u wegħdiet dwar konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer.