Bħallum 21 sena ilu, l-Unjoni Ewropea laqgħet 10 stati membri ġodda – Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija.
Pajjiżna kien iċċelebra bi kbir din is-sħubija, permezz ta’ lejl twil ta’ attivitajiet madwar il-Port il-Kbir. Dan hekk kif il-poplu kien qed jgħix kapitlu ġdid fl-istorja tiegħu, xprunat minn Gvern Nazzjonalista kontra oppożizzjoni qawwija u kampanja mill-aktar negattiva li kien għamel il-Partit Laburista fis-snin ta’ qabel.
Din id-data tat-tkabbir tal-UE hija partikolarment speċjali minħabba li hija l-akbar f’termini ta’ pajjiżi u popolazzjonijiet li saru parti mill-Unjoni Ewropea. Kienet ukoll is-sena li fiha pajjiżna eleġġa l-ewwel ħames MEPs – u allura, kellna vuċi aktar b’saħħitha fuq livell Ewropew.
Is-sħubija fl-UE kienet ta’ benefiċċju kbir għall-Maltin u l-Għawdxin, fejn mhux biss akkwistajna biljuni ta’ fondi Ewropej, iżda inħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, għan-negozji u anke għaqdiet varji. Dan it-tkabbir tal-UE kien ta’ benefiċċju wkoll għall-Unjoni nnifisha.
//= $special ?>