Lokali

Sejba ta’ 35kg kokaina b’valur fis-suq ta’ €2 miljun

Fl-aħħar sigħat, fil-Port Ħieles, ġie arrestat raġel ta’ 37 sena residenti x-Xgħajra. Dan wara li lbieraħ twaqqfet vettura li kienet ħierġa mill-Port Ħieles, bħala parti minn investigazzjonijiet b’rabta ma’ importazzjoni tad-droga f’pajjiżna.

Wara spezzjoni li saret fil-vettura tar-raġel, instabu 7 kilogrammi droga suspettata kokaina.

Aktar tfittxijiet li saru fl-istess Port wasslu għas-sejba ta’ 28 kilogrammi oħra ta’ droga, ukoll maħsuba kokaina – b’valur totali fit-triq ta’ madwar €2 miljun.

Din id-droga allegatament inħarġet mill-kontejner li waslet fih mir-raġel arrestat, li jaħdem il-port stess, u ġiet moħbija minnu sabiex tinħareġ ftit ftit.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Ian Farrugia, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ir-raġel tressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-11:30am quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, u nżamm arrestat.