Internazzjonali

Attivisti ta’ kontra l-gwerra f’Gaza isalvaw minn attakk bid-drones fuq bastiment fil-limiti ta’ Malta

Grupp ta’ attivisti li kienu qed jippjanaw biex ibaħħru lejn il-Medda ta’ Gaza qalu li l-bastiment tagħhom intlaqat mid-drones waqt li kien fl-ibħra internazzjonali ‘il hinn mill-kosta ta’ Malta.

Dan meta l-attivisti qed jakkużaw lill-qawwiet Iżraeljani bħala responsabbli, bil-kelliema għal Iżrael ma jikkummentawx b’mod speċifiku.

Il-bastiment –bl-isem The Conscience — hu tal-Freedom Flotilla Coalition u l-kelliema għal dan l-NGO sostnew li l-attakk seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa, bl-ekwipaġġ joġħroġ messaġġ tal-SOS ( ta’emerġenza) dritt wara. Dan waqt li bdew jiċċirkulaw recordings tal-Kaptan tal-bastiment waqt li kien qed jikkonferma l-attakk bid-drones u n-nirien sussegwenti fuq il-vapur.

Sadanittant, il-Gvern ta’ Malta, permezz ta’ kummenti lill-istampa, qal li l-ekwipaġġ kollu fuq il-bastiment jinsab ‘qawwi u sħiħ’ u li n-nirien abbord inġiebu taħt kontroll b’diffikultà. Dan filwaqt li l-PN appella biex il-Gvern iħares is-sigurtà ta’ pajjiżna f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Il-Freedom Flotilla Coalition qal li kien qed jippjana biex jibgħat il-bastiment lejn Gaza u bil-ħsieb li abbord ikun hemm ukoll Greta Thunberg, l-attivista famuża favur il-ħarsien tal-klima.

L-iskop tal-vjaġġ kien biex iwassal messaġġ ta’ ‘sfida u protesta għall-assedju illegali tal-Iżraeljani fuq il-poplu Palestinjan f’Gaza’.

L-NGO, intant, qed isejjaħ biex l-Ambaxxaturi ta’ Iżrael iwieġbu għal ‘abbużi tal-liġi internazzjonali’ u li jinkludu l-intoppi għat-trasport tal-ikel lir-residenti ta’ Gaza u dan l-attakk fuq bastiment ċivili.

L-organizzaturi qalu li l-grupp kien qed imexxi l-vjaġġ ‘f’segretezza totali u mingħajr ma qatt informa lill-istampa dwaru’. Dan biex huma jevitaw il-possibbiltà ta’ sabutaġġ u attakki bħal dak li seħħ sigħat ilu waqt li l-bastiment kien qed ibaħħar lejn Gaza.

Dan ukoll meta maż-żewġ miljun Palestinjani f’Gaza ilhom kważi xahrejn taħt assedju totali mill-militar ta’ Iżrael.

Sadanittant, diversi sorsi oħra kkundannaw l-attakk fuq vapur ċivili fl-ibħra internazzjonali u li kellu jseħħ mingħajr l-ebda provokazzjoni.

Min-naħa tagħha, Greta Thunberg, li kienet fost dawk li kienu qed jippjanaw biex jitilgħu fuq il-vapur għall-vjaġġ lejn Gaza, kellmet lill-ġurnalisti fil-belt Valletta.

Hi qalet li kienet parti mill-grupp li suppost li kellu jitla’ fuq il-bastiment għall-vjaġġ umanitarju lejn Gaza….Vjaġġ li qalet kellu jwassal messaġġ ewlieni kontra l-assedju illegali ta’ Iżrael li qed jikkaġuna tbatija kbira għall-Paletinjani

Thunberg sostniet li, sa fejn taf, il-bastiment għadu fil-lokalità tal-attakk minħabba l-periklu li jdaħħal l-ilma b’riżultat tal-attakk. Hi kompliet li l-attivisti favur id-drittijiet umani se jagħmlu minn kollox biex itaffu t-tbatija tal-Palestinjani f’Gaza, fost l-insistenza għal Palestina ħielsa u l-ftuh ta’ rotta minfejn tgħaddi l-għajnuna umanitarja lil dawn in-nies.

Kelliema għall-Gvern Malti qalu li fuq il-bastiment hemm 12-il membru tal-ekwipaġġ u erba’ attivisti – waqt li l-NGO tenna li, fil-fatt, li hemm xejn anqas minn 30 attivist abbord.

Dan waqt li l-Freedom Flotilla Coalition iċċirkola filmat tan-nirien fuq il-bastiment ftit wara li drone kien laqat il-generator…Sitwazzjoni li naqqset ħafna mill-kapaċità tal-vapur biex ikompli bil-vjaġġ u meta l-esperti ma eskludewx il-possibbiltà ta’ għarqa, ‘il quddiem.

Il-Gvern Malti sostna li kien bagħat tugboat fil-lokalità inkwistjoni biex jgħin għall-kontroll tan-nirien abbord u meta l-membri tal-ekwipaġġ tal-vapur, imbagħad, irrifjutaw li jitilgħu fuq l-istess tugboat. Il-kelliema qalu, wkoll li l-bastiment għadu f’zona ‘il hinn mill-ibħra territorjali.

L-awtoritajiet f’Ċipru wkoll wieġbu għall-SOS tal-bastiment waqt li bagħtu vapur ieħor lejn dik iz-zona

Il-Freedom Flotilla Coalition qed jinsisti li  jkompli bil-kampanja kontra l-assedju tal-Iżraeljani fuq Gaza u meta l-Gvernijiet tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja qed ifissru s-sitwazzjoni tal-Palestinjani fit-territorju bħala ‘intollerabbli’.

Numru ta’ organizzazzjonijiet ta’ fejda, fosthom il-World Food Programme, qalu li dalwaqt jispiċċawlhom il-kunsinni tal-ikel għan-nies ta’ Gaza – bl-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar issostni li l-kampanja umanitarja f’Gaza tinsab f’xifer ta’ kollass.

Sadanittant, il-qawwiet Iżraeljani qed ikomplu bl-offensiva fuq il -Ħamas f’Gaza, bil-Gvern ta’ Iżrael isostni li jrid jeqred bilfors ‘it-theddida terroristika’ man-naħa l-oħra tal-fruntiera.