Lokali Qorti

Chris Cardona reġa’ ssemma b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

L-ex Ministru Labuirsta Chris Cardona reġa’ ssemma b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia propju fil-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista.

Fl-aħħar seduta rriżulta wkoll li Yorgen Fenech kien ipprova minn kollox biex iżomm lil Melvin Theuma qrib tiegħu u saħansitra kien offrielu mhux biss arloġġi lussużi iżda saħansitra riedu jiftaħ miegħu ħanut tad-deheb fil-Belt.

Dan kollu ħareġ waqt il-ġuri tal-Maksar, fejn Melvin Theuma qed jinsisti li Yorgen Fenech ried jixtri s-silenzju tiegħu, għaliex kien jaf li hu seta’ kixef kollox dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Quddiem il-ġurati, Melvin Theuma – li huwa l-middleman fl-assassinju ta’ Caruana Galizia – fisser kif hu kien jibża’ li Yorgen Fenech se joqtlu. Għalhekk hu ġabar ammont ta’ recordings fuq pendrives.

Dawn huma l-famużi recordings li fihom jissemma’ wkoll l-eks Chief of Staff tal- eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri.

Theuma ddikjara kif kienu diversi d-drabi li saq lejn il-kwartieri tal-pulizija sabiex jikxef kollox però kien iħoss li m’għandux min jappoġġjah. Kulħadd kien javżah sabiex iżomm siket, għaliex Fenech huwa individwu b’saħħtu ħafna.

Melvin Theuma ġie mistoqsi jekk aktar nies involuti fil-politika kienux involuti f’dan il-każ ta’ Caruana Galizia, b’Theuma jwieġeb kif Fenech kien jgħidlu li Chris Cardona kien involut u li kien f’kuntatt ma’ Alfred Degiorgio. Evidentament jidher li Degiogrio kien avża lil Fenech sabiex iwaħħal f’Cardona. L-eks Ministru Cardona għadu sal-lum jiċħad xi forma ta’ involviment.

L-aħwa Degiorgio lura fl-2021 kienu implikaw li Chris Cardona kien involut permezz ta’ ittra li kitbu lil Kummissjoni Ewropea, li tindika li Cardona kien involut fil-pjan tal-2015 – pjan għall-assassinju ta’ Caruana Galizia – bl-eks Ministru għadu qed jgħid li dan huwa biss gideb.

Intant, fil-Qorti Melvin Theuma ġie muri ritratt ta’ raġel bilwieqfa fejn karozza li kienet tifrekwenta ż-żona tal-Bidnija fejn seħħ l-assisanju. Theuma qal li dak ir-raġel kien Vince Muscat ‘il-Koħħu’ – li huwa diġà ġie ddikjarat ħati għall-qtil ta’ Caruana Galizia. Theuma saħaq ukoll li lill-aħwa ‘tal-Maksar’ hu ma kienx jafhom.

Waqt il-ġuri bdew jinqraw xi messaġġi bejn Fenech u Theuma li juru l-ansjetà li t-tnejn li huma kienu qed jesperjenzaw. Theuma rrimarka kif darba Fenech tah biċċa laħam però beża’ li l-laħam kienet ivvalenata – u allura ddeċieda li ma jiekolix.

Inċident ieħor kien meta Theuma ħa biċċa ħobż lil Fenech u minn taħt ‘il għajn lemaħ lill-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta fejn il-bieb. Jiem wara, Fenech informa lil Theuma li Valletta fil-fatt kien għarfu. Theuma jgħid lill-qorti li jemmen li Valletta intenzjonalment ipprova jevitah.

Meta Theuma ġie mistoqsi meta irrealizza li kien parti minn pjan li ser jikkaġuna l-qtil ta’ omm, il-middleman wieġeb li kien dakinhar tal-assassinju. Meta mistoqsi jridx jagħmel xi kumment ieħor, huwa qal li m’għandux aktar kummenti x’jgħid – apparti li jitlob skuża lil familja Caruana Galizia.

Il-ġuri mistenni jissokta s-Sibt.

Fi żviluppi oħra, fil-bidu tas-seduta, wieħed mill-ġurati-riserva ġie immultat €1,000 wara li nqabad juża tablet – xi ħaġa li l-ġurati huma projbiti milli jagħmlu, għaliex ma jistgħux ikollhom kuntatt ma’ barra.