Lokali

Id-direttiva tal-Labour għal sarima ma’ ħalq l-għalliema meqjusa bħala “ksur tal-libertà tal-kelma”

L-ombudsman dwar l-edukazzjoni qies id-direttiva maħruġa mill-Gvern Laburista biex jagħmel sarima ma’ ħalq l-għalliema bħala “ksur tal-libertà tal-kelma”.

Din id-direttiva, maħruġa lejn tmiem is-sena l-oħra, tgħid li l-għalliema jeħtieġu bilfors iġibu permess bil-miktub qabel jitkellmu fuq il-midja jew jipparteċipaw f’xi programm. Direttiva li kienet inħarġet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq direzzjoni tal-Ministru Clifton Grima. Bl-istess ċirkolari tindika li l-Gvern lest jieħu “azzjoni” fuq kull edukatur li jikser din ir-regola imposta.

L-ombudsman, Vincent De Gaetano qal li bl-ebda mod ma jista’ jimmaġina l-ħtieġa ta’ direttiva ta’ dan it-tip b’mod speċjali meta qed ngħixu f’soċjetà li suppost hi demokratika.

Il-Ministru Grima ilu għal xhur sħaħ jinsisti li hu m’għandu l-ebda problema li l-għalliema u l-edukaturi jitkellmu fil-pubbliku iżda fl-istess waqt qatt ma spjega x’kienet ir-raġuni li jdaħħal din id-direttiva. Bl-edukaturi jqisuha biss bħala mezz biex jagħmel sarima ma’ ħalqhom.

B’din id-direttiva tgħid li minkejja li jaf jingħataw permess biex jitkellmu pubblikament fuq il-midja, xorta waħda jeħtieġu joqogħdu lura sabiex jimxu ma’ dak li hu rifless mal-linja tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, b’dan ifisser li ma jistgħux iwasslu l-“opinjonijiet personali” tagħhom.

L-ombudsman, fir-rapport tiegħu, kompla jgħid li ma jistax jifhem kif il-Ministru ħa pass bħal dan meta tikkunsidra li pajjiżna nieqes sew minn persuni li kapaċi jaħsbu u janalizzaw b’mod kritiku.

Bl-ombudsman jagħlaq billi jappella lill-Gvern biex joħroġ direttiva emendata li tagħmel distinzjoni bejn l-edukaturi u ħaddiema f’karigi maniġerjali hekk kif l-għalliema m’għandhomx jitkellmu dwar xi kwistjoni b’biża’ li jaffaċċjaw riperkussjonijiet.