Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jippubblika l-istudju dwar kemm tiflaħ nies (carrying capacity study) Kemmuna, li skont l-istess Gvern ilu lest, iżda għadu qed jinżamm moħbi mill-poplu.
Dan l-appell twassal mid-deputati tal-PN Alex Borg, Mario De Marco u Rebekah Borg permezz ta’ stqarrija.
Il-fatt li l-Gvern qed iħabbar deċiżjonijiet ibbażati fuq studju li mbagħad qed jirrifjuta li jippubblika hija allarmanti u turi nuqqas ta’ trasparenza. Jekk l-istudju jeżisti u hu lest, allura ma hemm l-ebda raġuni biex ma jiġix ippubblikat mill-ewwel.
Din hija gżira protetta, sensittiva mill-aspett ambjentali, u kull deċiżjoni li tittieħed dwar l-aċċess u l-użu tagħha trid tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika u mhux fuq kalkoli politiċi jew pressjonijiet kummerċjali. Il-poplu jista’ jkun ċert minn dan biss jekk jiġi ppubblikat ir-rapport.
Il-pubbliku Għawdxi u Malti għandu d-dritt ikun jaf fuq liema bażi xjentifika l-Gvern qed jippjana miżuri bħal dawk tal-kontroll tal-viżitaturi fil-Blue Lagoon. Il-ħolqien ta’ sistema ta’ bookings jew limiti artifiċjali bla ma jsir magħruf jekk dawn humiex sostenibbli, huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qiegħed jaħbi informazzjoni fundamentali li għandha tkun pubblika.
Bit-trasparenza biss nistgħu nassiguraw li jkun protett dan il-wirt naturali uniku.
Il-Gvern għandu jkun trasparenti mal-poplu u jgħid b’mod ċar fuq xiex ibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni biex Kemmuna tiġi protetta bl-aħjar mod possibbli, għalina u għal dawk li ġejjin warajna.
//= $special ?>