Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’miżura oħra li minnha se jgawdu eluf ta’ ħaddiema u familji

L-ewwel €10,000 mill-overtime u x-xogħol part-time bla taxxa

Il-miżura mħabbra lbieraħ mill-Partit Nazzjonalista hija miżura oħra mfassla bil-għan li tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies.

F’konferenza tal-aħbarijiet mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo; u x-Shadow Minister għall-Finanzi, Graham Bencini; taw aktar dettalji dwar il-miżura li tneħħi t-taxxa minn fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-overtime u minn xogħol part-timeMiżura li tħabbret mill-Kap tal-PN Bernard Grech waqt id-diskors fil-Festa Familja f’Ta’ Qali għal Jum il-Ħaddiem.

Ritratt: Catriel Farrugia

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jimplimenta din il-miżura għaliex il-Partit Nazzjonalista qed jifhem x’inhuma l-bżonnijiet reali tan-nies illum. Din hija miżura realistika u ġusta, u għandha l-għan li tnaqqas il-piż fuq dawk li qed jagħmlu sagrifiċċji kbar biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Ħafna nies, illum, biex ilaħħqu mal-ħajja qed ikollhom jaħdmu iktar, qed ikollhom jaħdmu iktar sigħat, u qed ikollhom jaħdmu iktar xogħlijiet. Il-Gvern m’għandux ikompli jikkastiga lil dawk li jkollhom jaħdmu iktar biex ilaħħqu mal-ħajja.

Ivan Castillo qal li ħafna familji qed ibatu biex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum; spejjeż għall-affarijiet bażiċi bħall-ikel, il-kiri u l-kontijiet. Sadanittant għandna lil Robert Abela u l-Gvern tiegħu, maqtugħin għal kollox mir-realtà li qed jgħixu ta’ kuljum il-Maltin u l-Għawdxin, jitkellmu biss dwar in-numri u l-istatistika, u jibqgħu jippruvaw ipinġu stampa falza li mhix tirrifletti r-realtajiet ta’ ħafna.

Huwa qal li l-PN qed jisma’ n-nies u jressaq soluzzjonijiet konkreti li jagħtu nifs lill-ħaddiema u lill-familji għax għall-Partit Nazzjonalista, iċ-ċentru tal-politika jibqgħu dejjem in-nies. Il-Gvern Laburista saħanistra vvota kontra Mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament b’soluzzjonijiet biex tiġi miġġielda l-għoli tal-ħajja.

Ritratt: Catriel Farrugia

Graham Bencini spjega kif bħalissa l-overtime qed jiġi ntaxxat b’minimu ta’ 15% u xogħol part-time b’taxxa ta’ 10% fuq l-ewwel €10,000 għall-impjegati u €12,000 għall-ħaddiema self-employed. Il-miżura li jdaħħal Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss tgħin lill-ħaddiema, iżda wkoll lin-negozji li qed isibuha diffiċli jsibu ħaddiema biex jaħdmu ħinijiet żejda.

Din il-miżura tfisser li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jitfa’ lura madwar €30 miljun fis-sena fil-bwiet tan-nies, b’dawn il-flus jidħlu lura fl-ekonomija ta’ pajjiżna hekk kif aktar flus fl-idejn ifissru aktar infiq mill-ħaddiem u aktar dħul mill-VAT. Din il-proposta, għalhekk, se ġġib benefiċċji diretti għal eluf ta’ ħaddiema u familji Maltin u Għawdxin u anke għan-negozji Maltin.

Il-miżura mħabbra mill-Partit Nazzjonalista tibni fuq proposti oħra diġà ppreżentati mill-Partit Nazzjonalista bħat-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA), fond nazzjonali kontra l-għoli tal-importazzjoni, aktar opportunitajiet għal teleworking u aktar leave għall-ġenituri li jaħdmu.

Il-Partit Nazzjonalista għandu s-serħan il-moħħ li din hi miżura ġusta li tippremja l-bżulija u tgħin lill-ħaddiem jgħix ħajja ta’ kwalità b’dinjità.

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dak li suppost qed jagħmel il-Gvern – jagħti s-soluzzjonijiet. Fil-gvern se jagħmel dak li mhux jagħmel il-Gvern Laburista: se jaħdem għall-ħaddiem.