Internazzjonali Lokali

“Il-Gvern Malti jeħtieġ jieħu azzjoni mingħajr iktar dewmien” – Moviment Graffiti

Il-lejl li għadda, vapur umanitarju fuq missjoni biex iwassal għajnuna lin-nies li qegħdin imutu bil-ġuħ f’Gaża, ġie attakkat minn żewġ drones qrib l-ibħra territorjali Maltin. Ftit sigħat biss qabel l-attakk, il-vapur itteħditlu l-bandiera mir-Repubblika tal-Palau – mossa li tissuġġerixxi li dan kien attakk ippjanat minn entitajiet b’saħħithom.

Dan l-att vjolenti, li seħħ tant qrib ix-xtut ta’ Malta, huwa allarmanti ferm. Huwa sinjal ċar tal-impunità tal-Istat tal-Iżrael u n-nuqqas ta’ rispett kontinwu li dejjem wera kemm lejn il-liġi internazzjonali kif ukoll lejn il-ħajja umana – din id-darba qrib ħafna tagħna.

Is-silenzju tal-Gvern Malti fil-konfront ta’ inċident daqstant serju li qiegħed jiġi meqjus minn ħafna bħala attakk fuq l-Ewropa huwa inaċċettabbli u inkomprensibbli.

L-awtoritajiet Maltin jeħtieġ li jaġixxu immedjatament biex wara dan l-attakk kriminali idaħħlu l-vapur u l-persuni ċivili li hemm fuqu f’nofs ta’ baħar lejn ix-xtut Maltin. Il-Gvern Malti missu anki joffri l-bandiera Maltija lil dan il-vapur b’turija ta’ appoġġ għal inizjattivi umanitarji u l-liġi internazzjonali. 

Barra minn dan, Malta għandha tiftaħ investigazzjoni dwar dan l-attakk bid-drone biex tistabbilixxi jekk l-ispazju tal-ajru Malti ġiex użat biex isir l-attakk fuq vapur ċivili umanitarju u jekk is-sovranità tagħha ġietx miksura.