Il-Gvern Malti għadu ma qal xejn dwar rapporti persistenti li għajruplan militari Iżraeljan kien qed jittajjar fil-baxx fuq Malta – ftit tas-sigħat biss qabel l-attakk fuq bastiment ftit ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin.
Fuq il-media soċjali, id-deputat Darren Carabott saqsa jekk l-awtoritajiet Maltin għamlux kuntatt mal-ajruplan Iżraeljan li resaq viċin Malta. Dan filwaqt li saqsa wkoll kemm niżel fil-baxx dan l-ajruplan. U jekk hux minnu li niżel fil-baxx sew.
Il-Ministru Byron Camilleri minn naħa tiegħu qed jgħid biss li bħalissa ma jistax jagħti risposta, għaliex il-fatti mhumiex konfermati. “Wara nitkellmu aħjar”, qal il-Ministru lit-Times.
Il-Gvern laqqa’ security meeting b’urġenza fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni b’rabta mal-attakk fuq il-bastiment Conscience.
Il-PN minn naħa tiegħu qed jappella għal kawtela, u li l-Gvern iserraħ ras il-poplu Malti.