Internazzjonali

Isaqsi lill-vittma jekk hux qed jieħu gost waqt li kien taħt idejh joqtlu b’daqqiet ta’ sikkina

Filmat xokkanti li ġie muri lill-ġurija f’Old Bailey juri kif allegat qattiel staqsa wieħed mill-vittmi tiegħu jekk hux qed jieħu gost waqt li kien qed joqtlu b’daqqiet ta’ arma.

Il-każ seħħ f’Lulju li għadda f’appartament taż-żewġ vittmi tal-qattiel, fil-Punent ta’ Londra. Yostin Andres Mosquera ta’ 35 sena qed jiċħad li hu qatel lil Albert Alfonso ta’ 62 sena u lil Paul Longworth ta’ 71 sena.

Mosquera qed ikun akkużat li rema’ l-iġsma taż-żewġ vittmi f’bagalja ħamra fuq Clifton Suspension Bridge, fi Bristol.

Fil-filmat jinstema’ wieħed mill-vittmi jbati biex jieħu n-nifs, b’Mosquera jidher fl-istess propjetà jiżfen u jkanta wara l-attakk li seħħ f’Shepherd’s Bush.

Wara s-sejba makabra tal-bagalja, il-qorti semgħet kif tfittxija li saret mill-Pulizija fl-appartament tal-vittmi rriżultat li partijiet mill-katavri kienu għadhom fil-post li tpoġġew f’chest freezer.