Lokali

Mike Waltz jitneħħa minn konsulent wara l-fjask tal-group chat

Il-President Amerikan Donald Trump ħeles minn Mike Waltz u poġġih ambaxxatur fin-Nazzjonijiet Uniti. Dan wara l-fjask tal-leaks mill-group chat – meta daħħlu ġurnalist f’grupp sigriet fuq l-application Signal.

Sakemm jinħatar konsulent ieħor għas-sigurtà, Marco Rubio se jkun qed iġorr din il-kariga. Anke d-deputat ta’ Waltz, Alex Wong, tneħħa mill-kariga li kellu.

F’dak il-famuż group chat, l-editur tal-ġurnal The Atlantic kien irċieva informazzjoni sensittiva dwar l-attakki fuq il-Jemen; storja li ħolqot ferment kbir fl-ewwel 100 jum tal-amministrazzjoni l-ġdida ta’ Donald Trump.