Opinjoni

OPINJONI: Id-Diskriminazzjoni f’Malta

X’inhu jistenna l-Gvern biex idaħħal fis-seħħ it-twettiq tal-jeddijiet taħt il-Protokoll 12 u jkollna l-jedd infittxuh jekk jiddiskrimina kontra tagħna taħt kull liġi?

minn Mark A. Sammut Sassi

Il-ġimgħa l-oħra ktibt dwar il-Protokoll 16 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem. Dal-Protokoll jippermetti lill-Qrati ta’ pajjiż firmatarju tal-Konvenzjoni jitolbu opinjoni konsultattiva mill-Qorti Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem ta’ Strasburgu. Malta la ffirmat u lanqas ma rratifikatu dal-Protokoll. Jien qiegħed nargumenta li jkun ta’ utilità u, fl-aħħar mill-aħħar, ta’ ġid, jekk Malta tibda tinqeda b’dal-Protokoll.

Illum se nitkellem dwar Protokoll ieħor – il-Protokoll 12 – li Malta ffirmatu u rratifikatu imma ħallietu ittra mejta, jedd li jeżisti biss fuq il-karta u mhux fil-prattika.

Il-Konvenzjoni Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem

Tista’ tgħid malli ħadet l-Indipendenza, Malta daħlet għall-piżijiet u l-obbligi kollha ġejjin mill-Konvenzjoni Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem. Dil-Konvenzjoni hi ftehima bejn bosta pajjiżi Ewropej li biha qablu li fit-territorji tagħhom jiggarantixxu dawk li jissejħu l-jeddijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ kull bniedem. Fi kliem ieħor, għax inti bniedem għandek dal-jeddijiet u l-Istat jintrabat li jħarishomlok u ma jiksirhomlokx.

Però kien biss fl-1987 li, malli tela’ l-PN fil-Gvern, kulħadd ingħata il-jedd li jħarrek lil Malta quddiem il-Qorti ta’ Strasburgu. Sal-1987, il-jeddijiet kienu hemm imma l-vittmi ma kellhomx il-mezz biex iwettquhom. Qisu ħallewlek karozza qawwija pparkjata fil-garaxx u qalulek li hi tiegħek u li tista’ ssuqha meta trid, imma mbagħad ma tawkx iċ-ċwievet tagħha. Hekk kienet il-qagħda sal-1987: kellna l-Konvenzjoni pparkjata fil-garaxx, imma ma kellniex iċ-ċwievet. Fl-1987, dawk iċ-ċwievet ingħataw lil kulħadd.

Il-Konvenzjoni fiha ħarsien mid-diskriminazzjoni. Fis-sens li hemm garanzija kontra d-diskriminazzjoni fit-twettiq tal-jeddijiet li hemm fil-Konvenzjoni. Fi kliem ieħor, il-jeddijiet li hemm fil-Konvenzjoni ma jistgħux jiġu applikati, ngħidu aħna, għall-bojod biss u mhux għas-suwed ukoll, jew għal-Laburisti biss imma mhux ukoll għan-Nazzjonalisti. Eċċetra. Allura l-jeddijiet kollha tal-Konvenzjoni jridu jiġu applikati għal kulħadd, mingħajr għażla jew distinzjoni – fi kliem ieħor, mingħajr diskriminazzjoni.

Garanzija kontra d-diskriminazzjoni

Il-qarrej attent mill-ewwel jintebaħ li qegħdin ngħidu li l-garanzija kontra d-diskriminazzjoni tirrigwarda biss il-jeddijiet misjubin fil-Konvenzjoni. Filwaqt li dan hu ħarsien wiesa’, xorta mhux ħarsien komplet.

Il-għaliex, minkejja l-ħarsien mid-diskriminazzjoni li hemm fil-Konvenzjoni, il-Gvern xorta waħda jista’ jiddiskrimina – f’dak kollu li mhux kopert mill-Konvenzjoni.

Allura sar il-Protokoll 12.

L-importanza tal-Protokoll 12?

Qabel xejn, bħalma għedt għall-Protokoll 16, se ngħid għall-Protokoll 12. Jeħtieġ li l-Gvern Malti jikkomunika mal-Kunsill tal-Ewropa biex jikkoreġi l-iżbalji ortografiċi li fih il-Protokoll 12! “Tgawdija” mhux “dgawdija”. “Ibati” mhux “ibagħti”. “Min-naħa ta’” mhux “minn naħa ta’”. Eċċetra. Donnu min ittraduċa l-Protokoll ma ħax il-briga jaqra l-verżjoni Maltija tal-Konvenzjoni!

Ngħaddu għal x’jgħid il-Protokoll 12, li hu żjieda għall-Konvenzjoni. Fl-ewwel Artikolu tiegħu jgħid:

“1. It-tgawdija ta’ kull dritt iddikjarat bil-liġi għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal ebda raġuni, bħal sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, oriġini nazzjonali jew soċjali, sħubija ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew kwalunkwe status ieħor.

2. Ħadd ma għandu jbati minn diskriminazzjoni min-naħa ta’ kwalunkwe awtorità pubblika għall-ebda raġuni kif imsemmija fil-paragrafu 1.”

Mad-daqqa t’għajn dal-artikolu donnu kopja kelma b’kelma tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni nnifisha:

“It-tgawdija tad-drittijiet u libertajiet kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.”

Innutaw li l-kliem hu kważi l-istess ħlief li fil-Protokoll hemm “bil-liġi” mentri fil-Konvenzjoni hemm “f’din il-Konvenzjoni”. Hu ċar li l-Protokoll iwessa’ l-ħarsien mid-diskriminazzjoni: mill-ħarsien tal-jeddijiet skont il-Konvenzjoni għall-ħarsien mid-diskriminazzjoni taħt kull liġi. Il-qabża hi straordinarja!

Fejnhom iċ-ċwievet?

Il-Kabinett tal-Ministri approva l-iffirmar u r-ratifika tal-Protokoll 12 fis-17 ta’ Novembru 2015 – għaxar snin ilu. Tliet ġimgħat wara, fit-8 ta’ Diċembru 2015, il-Protokoll 12 ġie ffirmat u rratifikat. Daħal fis-seħħ ftit tax-xhur wara, fl-1 ta’ April 2016.

Imma donnu ċajta tal-1 t’April! Minkejja li ġie ffirmat u rratifikat, u minkejja li daħal fis-seħħ, xorta għad ma għandniex il-jedd inwettqu dal-Protokoll quddiem qorti.

Ġara l-istess bħall-Konvenzjoni nnifisha. Biex stajna nwettqu l-jeddijiet u l-garanziji mogħtijin bil-Konvenzjoni nħtieġet liġi apposta – u din saret mill-Gvern Nazzjonalista malli tela’ fl-1987. Kien mill-1987, li lkoll stajna nwettqu jeddijietna taħt il-Konvenzjoni.

L-istess issa b’dal-Protokoll. Għax filwaqt li l-Protokoll 12 daħal fis-seħħ f’Malta fl-2016, baqa’ ittra mejta. Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni minn kull liġi baqgħet biss fuq il-karta – għax ma hemm l-ebda liġi li tippermettilna lkoll nwettqu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni mogħtija mill-Protokoll 12.

Il-karozza qiegħda fil-garaxx, imma ċwievet m’għandniex!

X’inhu jistenna l-Gvern biex idaħħal fis-seħħ it-twettiq tal-jeddijiet taħt il-Protokoll 12 u jkollna l-jedd infittxuh jekk jiddiskrimina kontra tagħna taħt kull liġi?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis l-1 ta’ Mejju, 2025.