minn Joe M. Zahra
Ċifri pubblikati din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-Maltin u l-Għawdxin fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’pajjiżna fl-2024 komplew jiżdiedu. Minn dawn ċ-ċifri jirriżulta li s-sena l-oħra kien hawn 108,406 fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali. Minn dawn 21,087 huma taħt it-18-il sena, 280 iktar mill-2023; 56,574 bejn it-18 u l-64 sena, jew 1,487 iktar mill-2023; u 30,745 ta’ 65 sena u iktar, 1,173 iktar mill-2023. Dawn iċ-ċifri jmer l-ftaħir kollu tal-Partit Laburista li fil-Programm Elettorali li bih rebaħ l-aħħar elezzjoni wiegħed li: “Inkomplu nindirizzaw il-faqar b’mod ħolistiku, mhux biss dak materjali, iżda wkoll dak soċjali u edukattiv. Il-mira tagħna hi li Malta jkollha fost l-inqas rata ta’ nies f’riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea.” Kieku għall-kliem sabiħ u l-wegħdi lil-Laburisti ma jirbħilhom ħadd! Iżda meta niġu għall-fatti hemm baħar jaqsam. Mhux talli dawk fir-riskju tal-faqar ma naqsux iżda żdiedu u żdiedu. Mill-2014 lil hawn żdiedu minn 66,621 għal 92,690. Dawk fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali jammontaw għal 108,406. Fl-2023, sena qabel kienu 105,466.
Fl-Unjoni Ewropea hemm kejl wieħed li jkejjel ir-riskju tal-faqar għas-27 pajjiż membru. Allura bl-istess kejl nistgħu nqabblu aħjar pajjiż ma’ ieħor. Nistgħu nkunu nafu aħjar fejn aħna.
Il-kejl tar-riskju tal-faqar jiġi determinat minn tweġibiet li jagħtu dawk intervistati għal sett ta’ mistoqsijiet dwar suġġetti partikolari. Dawn jinkludu jekk persuna setgħetx taffordja li tiffaċċja spejjeż finanzjarji mhux mistennija; jekk persuna taffordjax li tħallas għal ġimgħa vaganza bogħod minn darha; jekk persuna li kienet fl-arretrati fi ħlasijiet bin-nifs, kera, kontijiet ta’ servizzi, instalments bil-hire purchase jew pagamenti oħra ta’ djun; jekk persuna taffordjax jum iva u jum le, li tiekol il-laħam, tiġieġ, ħut jew ekwivalenti veġitarjan; jekk persuna hijiex kapaċi żżomm id-dar adegwatament sħuna fix-xitwa; jekk persuni taffordjax washing machine; jekk persuni taffordjax television tal-kulur; jekk persuna taffordjax telefon (inkluż mobile telephone); jekk persuna taffordjax karozza. Minn dawn joħroġ f’liema stat qed jgħixu diversi persuni f’pajjiż partikolari tal-UE.
Min huma dawk fir-riskju tal-faqar
L-iskema li fuqha jinħadem ir-riskju tal-faqar monetarju hi kalkulata bħala 60 fil-mija tad-Dħul Nazzjonali Ekwivalizzat (DNE). Għas-sena 2024 id-DNE kien stmat għal €12,258 jew 7.9 fil-mija iktar meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Bażat fuq id-dħul għall-2023 in-numru ta’ dawk fir-riskju tal-faqar kien stmat għal 92,690.
Fid-diskors tiegħu tal-baġit għall-2020 il-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien Edward Scicluna, illum il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, stqarr li l-prosperità li tnisslet mit-tkabbir ekonomiku qawwi fil-pajjiż infirxet sew mal-għeruq tas-soċjetà Maltija permezz ta’ għadd ġmielu ta’ miżuri soċjali fil-baġits li ressaq fl-aħħar snin “biex inkunu ta’ wens u sostenn għal-familji bi dħul baxx, għall-anzjani u l-pensjonanti u għal dawk li minħabba mard jew diżabbiltà ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Kliem sabiħ tal-Eks Ministru Scicluna iżda li ma jaqbilx mal-verità għaliex filwaqt li dakinhar li tkellem dawk f’riskju tal-faqar f’Malta u Għawdex kienu 85,400 illum qabżu il-108,000.
L-anzjani l-iżjed milquta
Fejn jidħol ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali l-anzjani huma l-iktar milquta. 13,028 anzjan u 17,717 anzjana, b’kollox 30,745, huma fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali. Din iċ-ċifra tirrappreżenta 31.7 fil-mija tal-anzjani kollha ta’ 65 sena u iktar. 0.3 fil-mija iktar mill-2023. Anke hawn tajjeb infakkru li kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista l-anzjani fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali iktar minn irduppjaw. Żdiedu minn 14.9 fil-mija fl-2012 – l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista – għal 31.7 fil-mija fl-2024, iktar minn irdoppja.
Għaliex qed iseħħ dan? Ir-raġuni hi waħda ovvja. L-anzjani b’dak li jdaħħlu mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-prezzijiet. Speċjalment fejn jidħol l-ikel. Meta tkun issikkat finanzjarjament tnaqqas minn kollox. Biss trid tiekol. Dan ipoġġi piż qawwi fuq kull min għandu dħul fiss. L-iktar dawk li dħul fiss tagħhom hu baxx. Il-Gvern ma jistax jirraġuna fuq il-kunċett ta’ “one size fits all”. Kull kategorija tal-poplu għandha l-problemi tagħha, problemi li mhux bilfors ikollhom kategoriji oħra.
Dan l-aħħar il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ftaħar kemm l-ekonomija sejra tajjeb. Hekk jidher jekk nikkalkolaw kollox fuq il-Prodott Domestiku Gross. Iżda l-kalkolu jrid isir fuq kemm il-ġid li qed jiġi ġenerat qed jitqassam sew fost il-poplu.
Kollox juri li l-qagħda fost il-poplu Malti u Għawdxi qed tiggrava għaliex, skont kif qal xi snin ilu l-Bank Ċentrali, għandek is-sinjuri li qed isiru dejjem iktar sinjuri u l-bqija qed jitħallew lura. Id-distakk bejn min jaqla’ ħafna u min jaqla’ ftit qiegħed dejjem jitwessa’. Għandek min hu mejjet fis-sakra u min hu mejjet għall-qatra. Sitwazzjoni riflessa fin-numru ta’ ‘soup kitchens’ li qed jiżdiedu u li ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda. U fin-numru ta’ persuni li ma baqgħalhomx saqaf fuq rashom.
Il-Gvern flok jiftaħar biċ-ċifri jrid jaqbad il-barri minn qrunu u jara għaliex in-numru ta’ dawk fir-riskju tal-faqar flok jonqos qed ikompli jiżdied. Kif dejjem ktibt diment li jibqa’ persuna waħda biss fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali ma jkollniex biex niftaħru. Meta għandna 3.7 fil-mija ta’ dawk kollha bejn it-18 u l-64 sena u 4.1 fil-mija ta’ dawk kollha ’l fuq minn 65 sena materjalment u soċjalment diprevati severament, meta għandna 92,690 fir-riskju tal-faqar u 108,406 fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali, il-Gvern messu mhux biss ma jiftaħarx iżda jgħatti wiċċu bil-mistħija.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 2 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>