Opinjoni

OPINJONI: O Canada!

Il-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney jiċċelebra r-rebħa elettorali tiegħu f’attività tal-elezzjoni tal-Partit Liberali f’Ottawa fil-Kanada. (Ritratt: EPA)

minn Angelo Micallef

L-elezzjoni ġenerali fil-Kanada qajla normalment tqanqal xi wisq interess fuq livell internazzjonali. Forsi l-aħħar darba li l-elezzjoni Kanadiża qanqlet interess internazzjonali kien meta fl-2015 il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Stephen Harber tellaq kontra Justin Trudeau, li jiġi iben l-Eks Prim Ministru Pierre Trudeau. Dakinhar madankollu l-interess kien aktar marbut mal-fatt kurjuż li fil-Kanada kien se jkun hemm ir-rarità ta’ missier u iben Prim Ministru.

Propju għaxar snin wara l-interess fl-elezzjoni Kanadiża mhux wieħed mibni fuq xi kurżità frivola imma huwa mibni fuq l-implikazzjonijiet politiċi ta’ din l-elezzjoni. Sa ftit tax-xhur ilu l-elezzjoni Kanadiża dehret battalja magħluqa; Justin Trudeau u l-Liberali tiegħu kienu lura ferm fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika u kienet bħal donnu ċara li Pierre Poilievre u l-Konservattivi ftit li xejn kien se jkollhom diffikultà biex jieħdu r-riedni f’idejhom f’Ottawa.

L-attakki ta’ Trump

Imma mbagħad wasal il-fenomenu Donald Trump u l-attakki tiegħu fuq il-Kanada. Attakki fuq is-sovranità tal-Kanada bi kliem konsistenti dwar ix-xewqa tiegħu li l-Kanada tiġi assorbita mill-Istati Uniti bħala l-51 stat tal-Istati Uniti.

Attakki fuq l-utilità tal-Kanada bi Trump jenfasizza li l-Istati Uniti ma kellix bżonn la l-ħadid mill-Kanada, la l-injam mill-Kanada u lanqas il-ħalib mill-Kanada. Trump imbagħad żied id-doża billi impona fuq il-Kanada tariffi ħorox intiżi biex jikkastigaw l-ekonomija Kanadiża.

Dan kollu qanqal ferment qawwi kontra l-Istati Uniti fil-Kanada fejn il-poplu Kanadiż bir-raġun ħass li l-attakk Amerikan kien tradiment, speċjalment meta wieħed iqis is-sens qawwi ta’ ħbiberija li eżista għal tant żmien twil bejn il-Kanada u l-Istati Uniti.

Qanqal ukoll fil-poplu Kanadiż sens qawwi ta’ patrijottiżmu; sens li normalment mhuwiex daqshekk prevalenti fil-Kanada anki f’reġjuni fejn hemm dubji għandhomx ikunu parti mill-Kanada bħal pereżempju l-Quebec.

Dan il-ferment ta opportunità perfetta lil-Liberali; bidlu l-mexxej minn Trudeau li kien tilef il-fiduċja tal-poplu għal Mark Carney, bniedem li jgawdi stima internazzjonali u għandu reputazzjoni bħala bniedem li kapaċi jamministra kriżi.

Dawru n-narrativa elettorali u minflok mal-poplu baqa’ jitkellem dwar l-għoli tal-ħajja li kien sploda taħt Trudeau u dwar il-kriżi fil-qasam tal-‘housing’ li saret waħda akuta minkejja kull wegħda bil-maqlub minn Trudeau, għal narrativa fejn is-suġġett kien Trump u kif dan kien ta’ periklu eżistenzjali għall-Kanada.

Fuq Poilievre, il-Liberali fetħu front ta’ attakk ġdid, u bdew iqabblu lil Poilievre ma’ Trump u joħoloqu immaġini f’moħħ il-poplu li Poilievre kien biss verżjoni Kanadiża aktar kalma ta’ Trump.

M’għandniex għalfejn xi ngħidu, meta wieħed jiftakar kemm Trump mhux popolari fil-Kanada din kienet tixbiha illi lil Poilievre għamlitlu ħsara kbira.

In-narrativa tal-Liberali ġiet megħjuna mill-paroli fil-vojt ta’ Trump li bħal donnu kompla jsaħħaħ is-sens ta’ assedju sal-punt li votanti tal-partiti żgħar bħad-Demokratiċi Ġodda u l-Partit ta’ Quebec sofrew tnaqqis fil-voti għax il-Kanadiżi ħassew li f’dan l-istadju, il-prijorità kienet is-sigurtà tal-pajjiż u allura l-partiti l-kbar kellhom bżonn appoġġ ċar.

Dan kollu wassal biex ir-riżultat inqaleb ta’ taħt fuq u l-Liberali taħt Carney ħarġu rebbieħa, b’Poilievre jisfa’ mhux biss tellief fuq livell nazzjonali imma saħansitra ma ġiex elett bħala membru parlamentari.

Test għal Carney dwar kemm hu kapaċi li jmexxi

Madankollu mhux kollox huwa ward u żahar għal Carney. Il-partit tiegħu rebaħ l-elezzjoni imma ma’ rebaħx maġġoranza fil-Parlament. Din se tħalli lil Carney espost u fil-bżonn li jżomm kuntenti lill-Partit ta’ Quebec u lid-Demokratiċi Ġodda, inkella jissogra li jitlef il-kunfidenza tal-Parlament.

Fi żmien meta l-Kanada għandha bżonn Gvern li jista’ jieħu d-deċiżjonijiet l-iebsa, il-Kanada issa ssib ruħha bi Gvern li huwa pjuttost politikament dgħajjef. Dan se jkun tassew test dwar kemm Carney kapaċi jamministra kriżi. Dan se jkun tassew test dwar kemm Carney tassew kapaċi jkun il-mexxej sod li qal li se jkun fil-kampanja elettorali.

Jalla jirnexxilu. Jalla tassew joffri lill-Kanada triq li twassalha biex tibni pont ma’ alleati aktar affidabbli u jressaq lill-Kanada ’l bogħod minn dipendenza fuq l-Istati Uniti. Jidher li se tkun triq iebsa ħafna u mimlija sfidi, esterni u interni!   

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis l-1 ta’ Mejju, 2025.