Edukazzjoni Lokali

Pajjiżna għandu jkompli jinvesti fl-edukazzjoni ta’ wliedna

Pajjiżna għandu jkompli jinvesti fl-edukazzjoni ta’ wliedna għax irridu li ħadd ma jibqa’ lura. Din se tkun prijorità għal Gvern ġdid Nazzjonalista, fejn naraw ukoll li l-akkademiċi jkunu l-mutur għat-tisħiħ tas-soċjetà, fosthom għaż-żgħażagħ, li huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel fl-Università ta’ Malta bħala parti mill-attivitajiet tal-PN marbutin ma’ Jum il-Ħaddiem bit-tema “Xogħol. Ħajja. Kwalità.”, fejn iltaqa’ mar-Rettur, il-Professur Alfred J Vella, diversi studenti, letturi u librara, kif ukoll mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa l-investimenti li saru fl-Università ta’ Malta fl-aħħar snin, partikolarment meta Gvern Nazzjonalista fetaħ il-bibien għal eluf ta’ żgħażagħ li xtaqu jkomplu jiżviluppaw il-karriera tagħhom. Kien ukoll Gvern Nazzjonalista li kabbar istituzzjonijiet edukattivi oħrajn, bħall-MCAST. Tenna li għandna nkomplu naraw li l-istudenti jgħixu ħajja sabiħa fuq il-Kampus.

Mal-KSU, Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid ikompli jikkollabora mal-akbar istituzzjoni edukattiva fil-pajjiż għax irid li flimkien, inkomplu naħdmu għall-ġid tal-istudenti u anke tal-letturi. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċjali tal-KSU semmew it-tħassib tagħhom dwar kif sfidi bħal dawk tal-għoli tal-ħajja u l-għoli fil-prezzijiet tal-propjretà qed jaqtgħu qalb iż-żgħażagħ milli jkomplu jistudjaw.

Matul il-laqgħa mar-Rettur, il-Kap tal-PN sema’ dwar kemm hu importanti l-attiviżmu tal-istudenti fil-ħajja ta’ kuljum tal-Università. Min-naħa l-oħra, fil-Librerija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista seta’ jinnota kif l-Università tikkollabora b’mod regolari ma’ entitajiet u organizzazzjonijiet oħra biex jittellgħu attivitajiet differenti. Bħalissa fil-fatt, għaddejja esebizzjoni mtella’ mill-Ambaxxata Spanjola għal Malta. Żar ukoll l-Arkivji, fejn jinżammu manuskritti u poeżiji, fost ħafna dokumenti oħrajn.

Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri, ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello u x-Shadow Minister għad-Delizzji u t-Tagħlim Matul il-Ħajja Charles Azzopardi.