Knisja Lokali

QABEL IL-KONKLAVI: Il-midja internazzjonali titfa’ ħarsitha fuq il-Kardinal Mario Grech

Diversi rapporti internazzjonali qed ikomplu jsemmu lill-Kardinal Għawdxi Mario Grech bħala għażla possibbli għat-tmexxija tal-Knisja Kattolika. Dan hekk kif fis-7 ta’ Mejju li ġej se jiftaħ il-konklavi fil-kappella Sistina.

Skont analiżi tan-National Catholic Reporter, jekk il-kardinali jridu jkomplu fuq it-triq li witta l-Papa Franġisku, l-għażla ta’ Papa ġdid għandha tmur fuq Mario Grech.

Dan il-ġurnal jiddeskrivi lil Grech bħala front-runner għall-kariga. U għalkemm ġej minn gżira żgħira diġà għandu rwol importanti fil-Knisja globali.

In-National Catholic Reporter jgħid illi ebda kardinal daqsu mhu kapaċi jirrappreżenta dak kollu li xtaq iħalli l-Papa fil-Knisja Kattolika – speċjalment l-aspett sinodali, u allura l-kollaborazzjoni fraterna bejn kulħadd. Bil-ġurnal jiddeskrivi din l-għażla bħala make-or-break.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-pumpieri tal-Vatikan installaw iċ-ċumnija li tintuża fil-konklavi, u li timmarka l-mument meta Papa jkun elett – bil-famuża daħna bajda.

Il-konklavi se jlaqqa’ flimkien 133 kardinal li għandhom taħt it-80 sena, u kuljum se jkun hemm erba’ sessjonijiet li fihom se jivvutaw għall-Papa l-ġdid; tnejn filgħodu u tnejn aktar tard waranofsinhar.