Lokali

Xprun mill-Kunsill Lokali Floriana biex jaffaċjaw il-kriżi demografika fil-lokal

Il-Floriana qed tkompli taħdem favur politika għal riġenerazzjoni tal-lokalità.

F’konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ il-Kunsill Lokali tal-Floriana, intqal li fl-aħħar xhur saru diversi kuntatti ma’ entitajiet u kunsilli lokali oħra sabiex jiddiskutu u jifhmu aħjar x’jeħtieġ għal triq ‘il quddiem b’rabta mal-kriżi demografika fiz-zona.

Indirizzaw din il-konferenza s-Sindku Nigel Holland u l-Viċi Sindku, James Aaron Ellul illi elenkaw il-fatt li d-dokument li preżenta Ellul ġimgħat ilu qajjem kuxjenza dwar dan kollu. James Aaron Ellul ta ħarsa lejn il-Floriana bħala komunità fejn intilef il-bilanċ.

James Aaron Ellul sostna li l-policy paper toffri soluzzjonijiet konkreti u fattibbli, b’allokazzjoni ta’ fondi u sussidji li jistgħu jassistu x’tip ta’ żvilupp isir fil-lokalità, b’enfasi fuq żvilupp li jsostni r-residenti u l-identità. Huwa tenna li l-investiment privat għandu rwol kruċjali biex dan isir, madanakollu jeħtieġ għajnuniet mill-Gvern jew mill-Istat, biex anki l-mod kif il-privat iħares lejn il-Floriana jinbidel u jiffoka fuq żvilupp residenzjali.

Fl-aħħar ġimgħat il-Kunsill Lokali ltaqa’ fost l-oħrajn mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fejn sema’ lill-Kunsill u t-talbiet tagħhom.

Il-Kunsill Lokali appella għall-ħidma kollettiva u tenna li rieda politika mill-Kunsill Lokali tinsab hemm, jeħtieġ li din ir-rieda u l-kuraġġ politiku jkun sostnut minn min għandu aktar awtorità li jimplimenta u jaġġixxi.

Fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għal din il-lokalità kienet ġiet elenkata l-isfida tar- riġenerazzjoni fil-lokal – u wiegħed li se jkun qed jindirizzaha. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista kien diġa’ ppreżenta dokument li għandu jkun il-qafas tal-policy għar-riġenerazzjoni tal-Furjana.

Dan hekk kif il-popolazzjoni tal-Furjana niżlet taħt l-2,000 persuna u sfortunatament il-komunità Furjaniża qed tkompli titnaqqar. Tant li fi Pjazza Sant’Anna – per eżempju –  qed jgħixu biss 11-il persuna.