Futbol Sport

FILMAT | Sliema Wanderers u Birkirkara kontra xulxin fl-ewwel semi-finali tal-Final Four għar-rebħ tal-Malta Premier

Iż-żewġ captains ta' Birkirkara u Sliema Wanderers rispettivament, qabel id-dwell ta' bejnithom mis-semi-finali tal-Final Four tal-Malta Premier.
Iż-żewġ captains ta' Birkirkara u Sliema Wanderers rispettivament, qabel id-dwell ta' bejnithom mis-semi-finali tal-Final Four tal-Malta Premier.

Għada l-ewwel semi-finali minn tnejn tal-Final Four għar-rebħ tal-Malta Premier. Sliema Wanderers u Birkirkara se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin, f’dwell dirett li mistenni jkun wieħed missielet.

Wara staġun sħiħ, bejn Opening Round u Closing Round, Sliema Wanderers hu t-tim li kellu l-aħjar attakk tal-Kampjonat. Huma rebħu l-Closing Round, anke jekk spiċċaw l-ewwel flimkien ma’ Ħamrun Spartans, madankollu grazzi għar-rebħa li s-Slimiżi kienu kisbu fl-ewwel fażi tal-Closing Round kontra l-istess Ħamrun Spartans, bl-iskor ta’ 1-0 nhar it-13 ta’ Marzu, b’regola tal-konfront dirett huma kienu ppremjati bl-ewwel post fil-klassifika finali tal-Closing Round.

L-avversarji tagħhom fil-partita ta’ għada se jkunu Birkirkara; skwadra li rajna l-aħjar tagħha fl-Opening Round aktar milli fil-Closing Round, pero grazzi għad-draw li rrnexxilhom jiksbu fl-aħħar match day tat-Top Six tal-Closing Round, kontra Floriana, huma ċaħdu lill-greens mir-rebħ tal-Malta Premier b’mod awtomatiku u grazzi għal dak id-draw kienu sfurzati l-Final Four biex ikun determinat ir-rebbieħ tal-Malta Premier fit-tmiem tal-istaġun 2024/25.

Illum, lejlet din l-ewwel semi-finali, l-MPL bħal m’għamlu dejjem u tul l-istaġun kollu għall-konfronti tal-ġimgħa, organizzaw konferenza stampa li matulha tkelmu ż-żewġ kowċis rispettivi ta’ Sliema Wanderers u Birkirkara, Paul Zammit u t-Taljan Stefano De Angelis, kif ukoll iż-żewġ captains rispettivi, il-plejers internazzjonali Maltin, Steve Pisani ta’ Sliema Wanderers u Alex Satariano ta’ Birkirkara.

Il-konfront deċiżiv ta’ għada l-Ħadd, dak bejn Sliema Wanderers u Birkirkara se jkun il-ħames dwell bejn dawn it-tnejn dan l-istaġun fil-Malta Premier. Iż-żewġ partiti li ntlagħbu l-aħħar u fil-Closing Round intrebħu mill-Blues, filwaqt li fl-Opening Round kelna rebħa waħda għall-istripes u draw,

Sliema Wanderers kontra Birkirkara, l-ewwel semi-finali tal-Final Four, tintlagħab għada l-Ħadd, fis-6pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali.