Internazzjonali

Il-Prinċep Harry jrid “rikonċiljazzjoni” mal-Familja Rjali

“Nixtieq li jkun hemm rikonċiljazzjoni mal-familja tiegħi”.

Hekk stqarr il-Prinċep Harry f’intervista mill-aktar emozzjonanti li xxandret mill-BBC, illi fiha qal ukoll li tħalla ixxukjat bil-fatt li tilef il-battalja legali biex iżomm l-uffiċjali tas-sigurtà li kien ikollu miegħu fir-Renju Unit – deċiżjoni li ingħatat il-Ġimgħa, b’ruling mill-Qorti.

Id-Duka ta’ Sussex ta din l-intervista lil BBC News f’Kalifornja, fejn hu stess iddikjara li f’dan ix-xenarju fejn m’għandux sigurtà…ma jarax kif jista’ jieħu lil martu u lil uliedu lura fir-Renju Unit.

Fl-intervista, hu qal li l-Familja Rjali, probabbilment, mhix se taħfirlu – speċjalment għall-ktieb li kien ippubblika.

Il-Prinċep Harry qal li ma jagħmilx sens li jibqa’ għaddej dan il-ġlied. U filwaqt li stqarr li l-ħajja hi prezjuża, qal ukoll li ma jafx kemm missieru fadallu ħajja – dikjarazzjoni li ġibdet kritika enormi.

Is-saga dwar l-uffiċjali tas-sigurtà bdiet fl-2020 meta ma baqax jaħdem bħala membru tal-familja Rjali, u ċċaqlaq lejn l-Istati Uniti. Iżda fl-intervista stess, il-Prinċep Harry għamilha ċara li hu għadu jħobb lil pajjiżu. Tant li jinsab verament dispjaċut li ma jistax juri lil uliedu minn fejn ġej, għaliex iħoss is-sigurtà tiegħu mhedda.