Futbol Sport

RB Leipzig iċaħħdu lil Bayern Munich mir-rebħ tal-Bundesliga għal ġimgħa oħra

(Ritratt: EPA)

Bayern Munich mhux se jiċċelebraw ir-rebħ tal-Kampjonat din il-ġimgħa hekk kif fallew milli jirbħu kontra RB Leipzig.

Minkejja li jinsabu fl-ewwel post, Munich ma dehru xejn konvinċenti dan l-istaġun hekk kif minn 32 partita, rebħu 23 , temmew fi draw 7 darbiet u tilfu żewġ partiti.

RB Leipzig irnexxielhom jiskorjaw gowl fl-94 minuta permezz ta’ Xavi Simons biex għamlu l-iskor 3-3, dan hekk kif fl-ewwel taqsima Leipzig ħadu vantaġġ ta’ żewġ gowls permezz ta’ Sesko u Klosterman. It-tim ta’ Kompany skorja tlett gowls f’temp ta’ għoxrin minuta minn Dier, Olise u Sane’ biex ħadu l-vantaġġ momentarju qabel ma wasal il-gowl tad-draw.

Bayern Munich ma jistghux isiru champions b’mod matematiku sal-partita li jmiss kontra Borussia Monchegladbach fl-10 ta’ Mejju.

Fit-tieni post jinsabu ċ-champions tas-sena l-oħra Bayer Leverkusen b’67 punt wara 31 partita, u jmisshom jilagħbu għada kontra Freiburg fis-6:00pm. Bayern Munich lagħbu partita iktar u għandhom 76 punt.

Ir-rebħ tal-Bundesliga jaf tfisser li l-attakkant Intenrazzjonali Ingliż Harry Kane jista’ jirbaħ l-ewwel titlu tal-karriera, fl-eta’ ta’ 31 sena.