Lokali

Bernard Grech b’laqgħat mas-Sindki u l-Kunsilliera Għawdxin

Kienet opportunità importanti għall-Kap tal-PN biex jiġu disklussi b’mod dirett il-ħtiġijiet tal-komunitajiet f’Għawdex – laqgħa ma’ Sindki, Minority Leaders u Kunsillieri Lokali tal-PN u anke rappreżentanti tal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex.

Il-laqgħa f’Ta’ Sannat ġiet indirizzata mill-President tal-Kulleġġ Kunsilliera Partit Nazzjonalista Liam Sciberras fejn hu, fl-ewwel okkażjoni tiegħu f’Għawdex f’din il-kariga l-ġdida, saħaq kif id-djalogu mal-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista ser tkun il-priorita assoluta; sabiex flimkien titfassal il-viżjoni l-ġdida tal-Kunsilli Lokali.

Min naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello tkellem fuq l-importanza li wieħed ikun kburi b’dak li qed jagħmel – sabiex dik il-fjamma ta’ ħidma favur il-lokalità tibqa’ għaddejja u ssir il-bidla li jkun hemm bżonn.

Charles Bonello saħaq li l-Kunsillieri huma l-aktar viċin in-nies tal-lokalità anke minħabba li ħidmithom hija magħġuna flimkien mar-resident. U għalhekk tkellem fuq l-importanza li l-kunsillieri jagħtu widen lin-nies sabiex il-PN jkun jista’ jibbaża l-politika tiegħu fuq il-bżonnijiet reali tal-poplu.

Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech  saħaq fuq l-importanza li kulħadd jagħti kontirbut għas-suċċess tal-pajjiż u anke biex il-PN ikompli javvanza – bħalma ġara fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda fejn il-PN reġa’ rebaħ mill-ġdid maġġoranza f’Għawdex u żied b’mod sostnazjali f’kull lokalità. Dan apparti li rebaħ uħud mill-kunsilli li kienu taħt amministrazzjoni Laburista.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputati għal Għawdex Alex Borg u Chris Said flimkien mal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex.