Il-Kap tal-PN Bernard Grech talab laqgħa urġenti mal-Prim Ministru Robert Abela sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni marbuta mal-bastiment li ġie attakkat din il-ġimgħa, ftit ‘il barra minn pajjiżna – attakk bid-drones li qed ikun segwit bi prominenza mill-media internazzjonali, u li dwaru għad hemm ħafna misteri.
Kien għalhekk li Bernard Grech talab li jkun hemm “front wieħed u magħqud” minn naħa ta’ Malta; lil hinn mill-partiġjaniżmu politiku.
Il-Kap tal-PN esprima tħassib serju dwar dawn l-iżviluppi.
“Huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet kollha jaqsmu l-informazzjoni disponibbli, niddiskutu l-konsegwenzi u mfasslu direzzjoni komuni biex nassiguraw li Malta tibqa’ sigura u stabbli”, kiteb Bernard Grech.

Kien fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa meta grupp ta’ attivisti li kienu qed jippjanaw biex ibaħħru lejn il-Medda ta’ Gaza qalu li l-bastiment Conscience intlaqat mid-drones; ‘lil hinn mill-kosta ta’ Malta. L-attivisti qed jakkużaw lill-qawwiet Iżraeljani bħala responsabbli.
Il-Freedom Flotilla Coalition kien iċċirkola filmat tan-nirien fuq il-bastiment ftit wara li drone kien laqat il-generator.
Din is-sitwazzjoni naqqset ħafna mill-kapaċità tal-vapur biex ikompli bil-vjaġġ u għalhekk il-kaptan talab li jidħol Malta; talba li sa l-aħħar sigħat kienet għadha ma ntlaqatx.
//= $special ?>