Fl-aħħar żviluppi, Freedom Flotilla Coalition laqgħat l-aħħar proposta tal-Gvern Malti li jingħataw is-sapport meħtieġ u anke jekk hemm bżonn ta’ għajnuna għal tiswijiet. Iżda, il-Gvern ordna li din l-għajnuna tista’ ssir biss jekk jibqgħu f’nofs ta’ baħar u ma jidħlux f’port Malti.
Kien fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa meta grupp ta’ attivisti li kienu qed jippjanaw biex ibaħħru lejn il-Medda ta’ Gaza qalu li l-bastiment Conscience intlaqat mid-drones; ‘lil hinn mill-kosta ta’ Malta. L-attivisti qed jakkużaw lill-qawwiet Iżraeljani bħala responsabbli.
Il-Freedom Flotilla Coalition kien iċċirkola filmat tan-nirien fuq il-bastiment ftit wara li drone kien laqat il-generator.
Din is-sitwazzjoni naqqset ħafna mill-kapaċità tal-vapur biex ikompli bil-vjaġġ u għalhekk il-kaptan talab li jidħol Malta; talba li s’issa għadha ma ntlaqatx. Bl-AFM irrifjuta li dan il-bastiment jidħol f’port Malti qabel ma ssir spezzjoni fuq Conscience, bil-kaptan jirrifjuta li dan isir.
Fi stqarrija, Freedom Flotilla Coalition qed tappella lill-Gvern Malti biex “joffrilhom port sigur bla ebda kundizzjonijiet li jwaqqfuhom milli jkomplu l-missjoni tagħhom lejn Gaza”. Bl-istqarrija tkompli tgħid li dawk abbord għandhom biss l-iskop li “jwaqqfu l-illegalitajiet Iżraeljani li qed iwaqqfu aċċess għal Gaza tant li l-ebda għajnuna għadha ma waslet għal iktar minn 60 jum”.
