Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob laqgħa urġenti mal-Prim Ministru wara l-attakk qrib l-ibħra territorjali ta’ Malta

F’intervista fuq NET TV u NET FM, Bernard Grech jgħid li dan mhux mument ta’ politika partiġjana, imma ta’ għaqda nazzjonali u l-poplu jistenna li f’mumenti hekk sensittivi nkunu magħqudin u npoġġu l-pajjiż l-ewwel.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bagħat ittra uffiċjali lill-Prim Ministru Robert Abela biex jitlob laqgħa urġenti wara l-attakk fuq il-bastiment Conscience li seħħ qrib l-ibħra territorjali ta’ pajjiżna.

F’din l-ittra, Bernard Grech wera t-tħassib profond tiegħu dwar dan l-inċident li seħħ f’kuntest reġjonali sensittiv, u li jqajjem mistoqsijiet serji dwar is-sigurtà marittima ta’ Malta, il-protezzjoni tal-interessi nazzjonali, u l-pożizzjoni ta’ pajjiżna fid-dawl tan-newtralità kostituzzjonali tagħha.

F’intervista fuq NET TV u NET FM dalgħodu, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li ġie infurmat li l-Prim Ministru aċċetta t-talba għal-laqgħa miegħu dwar dan l-attakk li hu ddeskrivieh bħala wieħed deplorabbli u esprima t-tama li l-laqgħa ssir kemm jista’ jkun malajr.

Hu qal li din mhijiex kwistjoni partiġjana, imma waħda li tolqot direttament is-sigurtà u l-istabbiltà ta’ Malta.

“F’mumenti bħal dawn, il-poplu jistenna maturità u għaqda nazzjonali. Il-poplu jistenna li f’mumenti hekk sensittivi nkunu magħqudin u npoġġu l-pajjiż l-ewwel,” qal Bernard Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella biex din il-laqgħa tinkludi wkoll l-istituzzjonijiet rilevanti, biex tkun tista’ tiġi ppreżentata l-informazzjoni kollha disponibbli, jiġu evalwati l-konsegwenzi potenzjali, u tiġi mfassla direzzjoni komuni li tpoġġi l-ġid ta’ Malta fuq quddiem nett.

Bernard Grech ikkonferma r-rieda tiegħu li jipparteċipa f’din il-laqgħa fl-aktar żmien qrib possibbli, biex flimkien jassiguraw li Malta tibqa’ sigura u stabbli f’dan il-mument delikat u appella wkoll biex kulħadd jittratta din is-sitwazzjoni delikata b’għaqal.

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jinsisti li, fejn għandu x’jaqsam mas-sigurtà ta’ pajjiżna, għandu jkun hemm front wieħed u sens ta’ responsabbiltà nazzjonali li jpoġġi l-interess tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.

Waqt l-intervista ta’ dalgħodu, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-miżura li ħabbar f’Jum il-Ħaddiem u li dwarha rċieva ħafna kummenti pożittivi. Il-miżura, li tħalli fi bwiet il-ħaddiem dak kollu li bħalissa qed iħallas f’taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jaqla’ mill-part-time jew l-overtime, hi waħda li tixhed it-tip ta’ politika li qed iħaddem il-Partit Nazzjonalista – politika li ddur man-nies.

Mistoqsi dwar is-sentenza tal-Qorti Ewropea dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza mill-Gvern Laburista, Bernard Grech qal li għall-PN mhux kollox għandu prezz, aktar u akar iċ-ċittadinanza tagħna. Il-Kap tal-PN qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li din l-iskema tkun immirata lejn min għandu rabta reali u ġenwina ma’ pajjiżna u mhux lejn min wara li jixtri ċ-ċittadinanza Maltija jispiċċa jrid jaħbi l-istess fatt.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni. Mistoqsi dwar żjarat li kellu fl-aħħar jiem fost ħaddiema u studenti tal-Università, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’dik li hi l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna – il-bniedem, u hu għalhekk li l-abkar investiment irid isir fl-edukazzjoni tiegħu, sew jekk hux dik akkademika kemm jekk hux fis-snajja’, u tenna li Gvern Nazzojnalista jerġa jiftaħ l-iskejjel tas-snajja’ biex iż-żgħażagħ ikollhom dejjem aktar opportunitajiet li jikbru bl-aktar mod sħiħ.