Lokali

Il-Prim Ministru jibqa’ jagħżel li l-vapur Conscience ma jidħolx fl-ibħra Maltin

Minkejja d-diversi appelli li qed jagħmlu għadd ta’ persuni u NGO’s sabiex jitħalla jidħol f’pajjiżna l-bastiment Conscience, il-Prim Ministru qed iżomm mad-deċiżjoni tiegħu li l-vapur ma jidħolx f’port sigur f’pajjiżna qabel ma ssir spezzjoni fuqu. Dan minkejja l-perikli għal dawk li hemm abbord dan il-bastiment li, ftit tal-ġranet ilu, l-ekwipaġġ abbord irrapurtaw li ntlaqat minn żewġ drones li huma ssuspettati li ġejjin mill-Iżraeljani.

Abela qed isostni li hu mhux se jħalli dan il-bastiment jidħol fl-ibħra Maltin qabel jitħalla surveyor marittimu jitla’ fuq il-bastiment u jagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji biex jivverifika li l-ħsarat li sofra minnhom il-bastiment jikkorrespondu mal-istqarrijiet li għamlu l-Koalizzjoni.

Meta Robert Abela ġie mistoqsi għadd ta’ domandi mill-ġurnalisti, fost l-oħrajn irrifjuta li jikkundanna dan l-attakk fuq il-bastiment.

Rigward l-ittra li bagħat il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech għal laqgħa rigward din il-kwistjoni, Abela sostna li hu se jżomm lil Bernard Grech infurmat bl-iżviluppi kollha għalkemm fl-ebda mument ma qal meta se jsejjaħ din il-laqgħa.