“Il-ħaddiem Għawdxi jibqa’ għal qalb il-Partit Nazzjonalista – u għalhekk bil-proposti tagħna ser inkomplu naħdmu sabiex nippremjaw il-bżulija”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif is-Sibt kompla jżur aktar postijiet tax-xogħol bħala parti mill-attivitajiet tal-PN għal Jum il-Ħaddiem, din id-darba f’Għawdex.
L-impenji bdew bi żjara fil-lukanda Ta’ Ċenċ fejn iltaqa’ mal-management u mal-ħaddiema tat-taqsimiet differenti tal-lukanda.

Bernard Grech sema’ wkoll kif matul is-sena – fl-istaġuni kollha – il-lukanda trid tadatta għaż-żminijiet sabiex tkun tista’ tilqa’ fiha ammont sabiħ ta’ turisti, Maltin u anke Għawdxin li jagħżlu li jieħdu vaganza. Bil-Kap tal-PN jinsisti fuq l-importanza ta’ aktar investiment f’turiżmu ta’ kwalità.
Wara, hu żar l-istabbiliment Vini e Capricci, fejn Bernard Grech iltaqa’ ma’ bosta klijenti …u anke ħaddiema, illi flimkien mas-sid ta’ din l-intrapriża Abraham Said jaħdmu bla waqfien biex ikomplu jippromovu l-prodott lokali. Bil-Kap tal-PN jisħaq fuq l-importanza li l-Gvern għandu jkun ta’ spalla sabiex in-negozji jkunu jistgħu jkomplu jikbru; bir-riżultat li jinvestu fil-ħaddiema Għawdxin u Maltin.

Waqt iż-żjara, issemma’ kif is-sidien tan-negozji fil-kumpless Gozitano ilhom mill-2017 jiġu mwiegħda li jsir rinnovar taż-żona fejn joperaw; imma dan għadu ma mmaterjalizzax. Dan qed ixxekkel in-negozju f’dawn l-inħawi, fost l-oħrajn, minħabba nuqqas ta’ servizzi adegwati u spazji għal parkeġġ. Bil-Gvern ma jonorax l-impenn tiegħu li hu wkoll jinvesti l-parti tiegħu, kif għamlu s-sidien tan-negozji.

Matul iż-żjarat tiegħu, Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg u l-kumplament tal-kandidati tal-PN Beppe Galea, Luke Said, Norma Camilleri u Frank Anthony Tabone
Fi tmiem dawn iż-żjarat, il-Kap tal-PN semma’ l-ħtieġa li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli f’Għawdex. U Gvern ġdid Nazzjonalista se jkompli jisma’, jinvesti u jfassal politika li tassew tirrifletti l-ħtiġijiet tal-ħaddiema.
