Internazzjonali

Ir-Rumanija: Jivvutaw għal President wara l-proċess annullat ta’ Novembru

Il-poplu fir-Rumanija, illum, qed jivvota biex jeleġġi President ġdid. Votazzjoni li kien ilu jħejji għaliha madwar sitt xhur wara li l-ewwel tentattiv għall-għażla ta’ President kellu jegħreq f’baħar ta’ skandlu u konfużjoni.

L-elezzjoni tal-24 Novembru kienet irriżultat f’suċċess għal Calin Georgescu, politiku relattivament anonimu u b’ideoloġiji radikali. Georgescu, skont ħafna analisti, kien ‘jirrappreżenta ħafna ideali mhumiex kompatibbli mar-Rumeni iżda hu xorta rnexxielu jikseb livell ta’ appoġġ ħafna akbar milli kienu qed jistennew l-esperti u l-analisti f’Bucharest.

Madankollu, ir-riżultat tal-24 ta’ Novembru kien spiċċa annullat fuq allegazzjonijiet ta’ frodi fil-kampanja ta’ Georgescu u sinjali tal-‘indħil sfaċċat tar-Russja’ f’dik il-votazzjoni.

Hu minnu wkoll li Georgescu għandu s-simpatiji mal-Kremlin ta’ Vladimir Putin u qed jippromwovi, fost oħrajn, politika estremista li ma tippermettix għal xejriet li jirriflettu l-elementi tal-multikulturaliżmu.

Iżda għalkemm id-deċiżjoni għall-annullament tar-riżultat elettorali ta’ Novembru kienet responsabbiltà, kollha kemm hi, ‘tar-Rumeni’, il-Viċi President Amerikan JD Vance, proprju xahrejn ilu, ikkritika bl-aħrax lill-Gvern ta’ Bucharest għal dan il-pass.

L-aġir minn Vance xxokkja bil-qawwi lill-establishment politiku tar-Rumanija li jiddependi ħafna mill-hekk imsejjaħ ‘relazzjoni speċjali’ mal-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, ir-Rumeni  huma determinati li ma jisfawx vittmi tal-‘bullying’ min-naħa tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, u l-esponenti ewlenin l-oħra tal-Gvern Amerikan. Fil-fatt, Calin Georgescu, mhux qed jieħu sehem fl-elezzjoni tal-lum.

F’din l-elezzjoni, George Simion, il-Kap tal-Alleanza għall-Unjoni tar-Rumeni (AUR), qed jikkuntesta kontra tliet rivali taċ-ċentru –  is-Sindku ta’ Bucharest Nicusor Dan; Crin Antonescu, liberali li jirrappreżenta lill-koalizzjoni (fil-Gvern) tas-Soċjal-Demokratiċi u l-Liberali Nazzjonali u l-kandidat indipendenti Elena Lasconi.

Id-dokument tal-vot jinkludi anki seba’ kandidati oħrajn u jekk l-ebda kandidat ma jirbaħ aktar minn 50 fil-mija tal-vot, ikun jeħtieġ elezzjoni oħra diretta, fit-18 ta’ Mejju, bejn iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-akbar ammont ta’ voti mitfugħin illum.