Il-Gvern Iżraeljan qed jippjana ritaljazzjoni qawwija kontra l-milizji tal-Houthi fil-Jemen….Dan wara li l-milizji, alleati tal-Iran, sparaw missila li niżlet viċin it-terminal ewlieni tal-ajruport ta’ Ben Gurion. Dritt wara l-azzjoni, il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan tenna li Iżrael jirriserva d-dritt li jolqot lill-aggressuri ‘b’għaxar darbiet aktar qawwa’ minn dan l-attakk imwettaq mill-artijiet tal-Jemen.’
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, bħalissa qed jiltaqa’ mal-Ministri u l-uffiċjali tad-difiża biex, flimkien, jiddiskutu r-reazzjoni adatta għall-aggressjoni tal-Houthi.
L-ajruport ta’ Ben Gurion jinsab fil-limiti ta’ Tel Aviv, bir-rapporti jirreferu għal ‘diversi midruba’ mill-effetti tal-missila,. Dan waqt li l-kelliema għall-Houthi, fi stqarrija għat-televiżjoni, sostnew li l-ajruport ta’ Ben Gurion ma kienx għadu sikur għat-traffiku tal-ajru normali.
Iżda fil-verità, l-ajruport inkwistjoni, qed jipprovdi xorta s-soltu servizzi wara l-waqfien temporanju kaġun tal-isparatura.
Fl-istess ħin, il-qawwiet tal-ajru qalu li kienu qed jinvestigaw ir-raġuni għalfejn il-missila ma kenitx interċettata qabel laqtet iz-zona mal-periferija tal-ajruport u viċin sit għall-parkeġġ li wkoll jifforma parti mit-terminal.
Il-milizji tal-Houthi regolarmant jisparaw il-missili lejn Iżrael b’solidarjetà mat-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza. Madankollu, il-fatt li din il-missila partikulari penetrat id-difiżi sofistikati tal-Iżraeljani qed tqanqal lok għal tħassib.
Il-Houthi anki ilhom l-aħħar xhur iwettqu l-attakki fuq il-vapuri li qed jużaw rotta speċifika fil-Baħar l-Aħmar – bil-qawwiet tal-Istati Uniti u r-Renu Unit jissieħbu f’kampanja ta’ bumbardamenti fuq iz-zoni tal-Jemen ikkontrollati mill-Houthi.
//= $special ?>