Analiżi tat-Times of Malta żvelat kif skont l-investigaturi, l-eks Chief of Staff Keith Schembri u l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi kellhom rwol attiv fil-pjan biex jiġġeneraw profitti moħbija ta’ €7.5 miljun minn ftehim dwar il-windfarms.
Huma kienu ppjanaw li jirċievu fondi illeċiti mill-ftehim permezz ta’ strutturi ta’ ħasil ta’ flus li qabel kienu sigrieti fil-Panama.
Skont it-Times, dawn il-profitti ġew iġġenerati permezz ta’ “żieda fittizja fil-prezz li ħallset l-Enemalta biex takkwista l-windfarms fil-Montenegro fl-2015.
Dan il-ftehim ilu ħafna taħt skrutinju minħabba irregolaritajiet finanzjarji serji, nuqqas ta’ due diligence, u suspett ta’ korruzzjoni li jinvolvi uffiċjali tal-Gvern Laburista.
Issa, esperti finanzjarji qed jgħidu li Schembri u Mizzi kellhom sehem attiv fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proċess – dan għamluh flimkien maċ-ċittadin Ċiniż Cheng Chen.
L-involviment ta’ Chen fil-ftehim huwa sinifikanti minħabba l-konnessjonijiet tiegħu mal-kumpanija Macbridge li kienet issemiet flimkien ma’ 17 Black ta’ Yorgen Fenech f’email ta’ Nexia BT … li kien jiddeskrivi l-pjan biex il-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi fil-Panama jirċievu maż-żewġ miljuni fis-sena.
//= $special ?>