Dokument li jikkonferma d-dejn ta’ €600,000 li l-More Supermarkets kellhom ma’ Adrian Agius instab imsakkar f’kexxun; f’wieħed mill-erba’ uffiċċji li kien juża l-avukat Carmel Chircop.
Dan ħareġ waqt ix-xhieda ta’ Michael Mallia u Vincent Ciliberti, it-tnejn maħtura bħala esperti tal-qorti mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fl-inkjesta dwar il-qtil.
Is-Sibt, il-ġurati bdew jisimgħu x-xhieda b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop; qtil li seħħ fl-2015 f’Birkirkara.
L-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Tal-Maksar, flimkien ma’ Jamie Vella u George Degiorgio, ilkoll qed jaffaċċjaw akkużi differenti b’rabta mal-qtil ta’ Chircop.
Adrian Agius jinsab mixli li kkummissjona l-isparatura fuq l-avukat, fejn qed ikun allegat li saret bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio. L-erba’ irġiel qed jiċħdu l-akkużi.
L-esperti tal-qorti qalu li f’wieħed mill-uffiċini ta’ Chircop sabu d-dokument iffirmat bejn Adrian Agius, is-sidien ta’ More Supermarket Ryan Schembri u Etienne Cassar, u n-nisa tagħhom.
Chircop u martu wkoll iffirmaw dan id-dokument li kien jgħid li ż-żewġ sidien riedu jħallsu pagament ta’ €300,000 kull wieħed.
Chircop u Agius kienu daħlu flimkien f’negozju, bl-involviment ukoll tas-sidien tal-More Supermarket, b’dan in-negozju ma bediex sejjer wisq tajjeb – tant li Chircop talab biex jieħu taħt idejh il-villa f’Baħar iċ-Ċagħaq li Agius kien ħalla f’każ li n-negozju jfalli.
Il-ġuri se jissokta t-Tnejn filgħodu.
//= $special ?>