’
Il-Gvern Ukren qed ikompli jakkuża lir-Russja b’li qed tilgħab ‘logħba malinna’ u fejn, fuq naħa qed tiddiskuti l-potenzjal għall-paċi waqt li, mill-banda l-oħra, qed iżżid l-attakki bla heda fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna.
F’dan ix-xenarju, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ċaħad ċar u tond għall-offerta tar-Russja biex, flimkien mal-Ukrajna, tissieħeb f’waqfien mill-ġlied effettiv għal tlett ijiem.
Il-gwerra fl-Ukrajna ilha għaddejja minn Frar tal-2022 meta t-truppi tal-President Russu Vladimir Putin invadew l-artijiet tal-ġar, b’Zelensky, issa, isostni li dawn it-tip ta’ ġesti min-naħa ta’ Putin huma kollha ‘teatrini mingħajr sustanza’. Fl-istess ħin, Zelensky qed jinsisti dwar kontro-proposta – u fejn pajjiżu u r-Russja jaqblu dwar waqfien mill-ġlied ta’ xahar.
Il-President Ukren qal li pajjiżu hu favur ‘il-mudell għall-paċi’ li proponiet l-Istati Uniti u li fost oħrajn tibbaża fuq ftehim għal waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet. Hu kompla li fiċ-ċirkustanzi attwali hu impossibbli li pajjiżu u Moska jilħqu forma ta’ ftehim għal paċi f’sempliċi tlett ijiem jew anki fi żmien ġimgħa.
Il-President Putin kien ippropona biex il-waqfien mill-ġlied (miċħud minn Zelensky) jidħol fis-seħħ bejn is-7u d-9 ta’ Mejju….Dan meta numru ta’ Rappreżentanti ta’ pajjiżi huma mistiedna biex jattendu l-parata tradizzjonali ta’ Jum ir-Rebħa f’Moska…Parata li tfakkar ir-rebħa tal-eks Unjoni Sovjetika, (bħala parti mill-koalizzjoni ta’ pajjiżi alleati li kienet tinkludi lir-Renju Unit u l-Istati Uniti) fuq il-Ġermanja Nażista ta’ Adolf Hitler.
Hu wkoll sinifikanti, li l-President Zelensky stqarr li mhux se jkun jista’ jiggarantixxi s-sigurtà ‘ta’ dawk li jattendu għal din il-parata’…..Il-messaġġ kien wieħed ċar lil Putin li ma jistax jistenna li l-gwerra tieqaf għall-kapriċċi tiegħu u biex hu ikun jista’ jiftaħ tieqa fuq il-qawwa militari tar-Russja waqt li daqstant familji Ukreni qegħdin ibatu l-effetti tal-konflitt.
L-istqarrija minn Kiev hi li ‘l-Ukrajna ma tistax tiggarantixxi s-sigurtà tar-Rappreżentanti tal-pajjiżi waqt iż-żjara f’Moska għall-parata tad-9 ta’ Mejju’….Il-President Zelensky sostna li r-Russi jistgħu, dakinar, jiddeċiedu biex iwettqu xi azzjoni għall-iskaptu tal-istess mistednin u jwaħħlu din l-azzjoni direttament fl-Ukreni. Hu spjega li, għaldaqstant, l-Ukrajna ma tistax tinżamm responsabbli għal dak li qed iseħħ fi ħdan il-Federazzjoni Russa.
L-aħħar kumment sinifikanti ta’ Zelensky kien li l-ftehim għal waqfien mill-ġlied kif qed ikun propost minn Moska mhu xejn ħlief tattika ċinika, meta r-Russi jridu biss joħolqu l-illużjoni li Vladimir Putin qed joħroġ mill-istat ta’ iżolament li d-dinja imponietlu b’reazzjoni għad-dmija li l-qawwiet tiegħu ilhom għal daqstant żmien iwettqu fl-Ukrajna.
Sadanittant, l-Ukrajna għadha taħt assedju mill-missili u d-drones tar-Russja – bil-mira, bħal dejjem, ikunu l-bini residenzjali u l-infrastruttura ċivili….Attakki li qerdu wkoll numru ‘inkalkulabbli’ ta’ vetturi fl-artijiet tal-ukreni.
Il-President Zelensky, mill-ġdid, ħeġġeġ lill-Alleati tal-Ukrajna biex jinpenjaw appoġġ ‘akbar u aktar deċiżiv’ lill-Ukrajna li, fil-preżent, qed tiġġieled gwerra anki għall-futur tal-kontinent Ewropew quddiem it-theddida ta’ Vladimir Putin.
Il-Mexxej Ukren tenna li filwaqt li l-pajjiżi tad-dinja qed jikkunsidraw il-pass li jmiss, il-poplu Ukren qed jgħix minn ħmar-il lejl kontinwu waqt li jipprova jiddenfendi l-identità tal-Ukrajna quddiem l-aggressjoni bla waqfien min-naħa tal-Kremlin.
//= $special ?>