Roma kisbu rebħa mportanti ta’ 1-0 kontra Fiorentina biex b’hekk komplew isaħħu t-tamiet tagħhom li jtemmu mal-ewwel erba’ fil-kampjonat. Il-gowl deċiżiv wasal fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Artem Dovbyk.
Juventus u Bologna temmew fi draw ta’ 1-1. Khephren Thuram poġġa lil Juventus fil-vantaġġ wara disa’ minuti. Remo Freuler ġabu l-iskor indaqs fl-54 minuta riżultat li bih intemmet il-partita.
Monza sfaw relegati għas-Serie B wara li sofrew telfa ta’ 4-0 kontra Atalanta. Il-gowls ta’ Atalanta kienu skorjati minn doppjetta ta’ Charles De Ketelaere, gowl ta’ Ademola Lookman u ieħor ta’ Marco Brescianini.
Gowl wara biss minuti ta’ Boulaye Dia kien biżejjed biex Lazio kisbu rebħa minima ta’ 1-0 barra minn darhom fuq Empoli, biż-żewġ timijiet itemmu l-partita b’għaxar plejers wara li tkeċċa Lorenzo Colombo għal Empoli u Elseid Hysaj għal Lazio.
//= $special ?>