Lokali

San Publju: Simbolu ta’ Identità Maltija

F’era fejn l-identità nazzjonali qed terġa’ tiġi esplorata u riflessa, huwa permezz tal-letteratura u l-istorja li poplu jerġa’ jiskopri s-simboli li ffurmaw il-qalba tiegħu. Wieħed minn dawn is-simboli, spiss minsija, hu San Publju, l-ewwel Isqof  ta’ Malta u wieħed mill-figuri Kristjani l-aktar bikrija tal-gżira. Jista’ jissemma’ minn żmien għal żmien fil-katekiżmu u fit-tradizzjoni, iżda s-sinifikat profond tiegħu—speċjalment fil-memorja kulturali Maltija—dejjem għal xi raġuni kien aktar imwarrab, anki mill-Knisja stess.

L-artiklu profond ta’ Giovanni Bonello, ippubblikat fit-23 ta’ Marzu 2014 f’The Sunday Times of Malta, joffrilna tieqa fuq din ir-riverenza mitlufa. Fih, Bonello janalizza poeżija ftit magħrufa, miktuba bit-Taljan minn Gregorio Xerri ftit wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, Inno della Vittoria. Il-poeżija tiċċelebra r-rebħa Maltija. Ma timxix fuq ir-rettorika ta’ dak iż-żmien, ta’ tifħir biss lil San Pawl, Sant’Agata jew il-Madonna. Minflok, ir-rebħa tingħata lil San Publju, li Xerri jsejjaħlu l-“Protettur”.

Din mhijiex sempliċement għażla poetika. Hija għażla simbolika u kulturali profonda, li tagħti sfida sottili lill-kontroll narrattiv li kienu jħaddnu l-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Knisja ta’ dak iż-żmien, li spiss ippruvaw inaqqsu l-identità lokali.

Il-poeżija Inno della Vittoria ta’ Gregorio Xerri, hija unika bħala espressjoni ta’ ġieħ nazzjonali. F’din il-poeżija, Xerri jiffoka fuq il-vittorja tal-poplu Malti, mingħajr ma jagħti kreditu lill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Minflok, il-lirika tagħti l-ġieħ lill-poplu Malti, il-qaddis ‘Malti’ Publju, u l-qawwa ta’ dak li hu divin.

Il-kliem “Noi” fil-frasi “Noi vincemmo… noi trionfammo” huwa manifestazzjoni ċara ta’ sens ta’ unità nazzjonali. Il-perċezzjoni ta’ identità ġeografika u nazzjonali kienet prattikament ġdida fil-perjodu, u Xerri juri dan fil-lingwa u fl-istil tiegħu, billi jiftaħar bir-rebħ tal-Maltin mingħajr ma jinkludi lill-Kavallieri, li fil-ħafna rakkonti kienu rikonoxxuti bħala l-protagonisti.

L-artiklu ta’ Bonello jgħid li l-għażla ta’ San Publju bħala l-patrun tal-vittorja fl-istorja ta’ Malta hija ta’ importanza speċjali. Qabel il-poeżija ta’ Xerri, m’hemmx ħafna evidenza ta’ San Publju bħala protettur ta’ Malta, speċjalment waqt il-Ġrajja tal-Assedju. Fil-fatt, f’rapport tal-1575 magħmul minn Monsinjur Pietro Dusina, li kien jintegra informazzjoni reliġjuża, San Publju ma kienx imsemmi bħala protettur tal-gżira. Fil-verità, ir-referenzi ta’ San Publju bħala protettur ta’ Malta jibdew jiżdiedu biss wara żmien Xerri, u maħsuba bħala indikazzjoni ta’ devozzjoni popolari li stabbilixxiet ruħha aktar tard.

Il-poeżija ta’ Xerri hija eżempju ta’ kif l-għarfien nazzjonali jindika l-importanza ta’ San Publju fl-identità Maltija. Xerri jgħid “Noi”, u dan jagħti stampa fuq l-identità nazzjonali u l-isfidi tal-poplu Malti. Filwaqt li juri li San Publju jista’ jkun simbolu vitali fl-istorja u fil-kultura Maltija. Bħal ma wera Xerri, l-identità nazzjonali Maltija għandha bżonn iktar enfasi fuq l-figuri li f’ħinijiet kritiċi sostnew lil Malta, bħall-Qaddis ‘Malti’ Publju.

Is-simbolu ta’ San Publju: Tagħna

San Publju ma kienx qaddis bħall-oħrajn. Skont l-Atti tal-Appostli (Atti 28:7), kien il-Protos, il-gvernatur ta’ Malta. It-tradizzjoni tgħid li San Publju kkonverta, sar Nisrani, u eventwalment ġie kkonsagrat bħala l-ewwel Isqof ta’ Malta—għalhekk il-missier spiritwali l-aktar bikri tal-Knisja f’pajjiżna.

Filwaqt li San Pawl spiss jiġi ċċelebrat bħala l-Appostlu ta’ Malta, hu kien, u hu fatt, San Publju, min-naħa l-oħra, kien wieħed minna—mexxej Malti li emmen, li laqa’ u li ħalla l-fidi Nisranija tinbet fuq din il-blata. Meta Xerri jagħżel li jqiegħdu fiċ-ċentru tal-innu, il-poeżija tiegħu, joħloq narrazzjoni awtentikament Maltija, u mhux waħda barranija.

Identità li rridu nerġgħu ndaħħlu

Din l-għażla poetika kienet sottili imma qawwija. Fis-sekli sbatax u tmintax, is-supremazija kulturali tal-Kavallieri kienet tfisser li l-vuċi lokali kienet ta’ spiss mitfugħa taħt narrazzjoni ikbar ta’ “Kristjaneżmu universali”. Xerri, kif jenfasizza Bonello, kien wieħed mill-ftit li kiteb ir-rakkont tal-Assedju mill-perspettiva tal-Maltin, mhux biss bħala rebħa Kristjana iżda bħala rebħa tagħna bħala poplu.

Billi jpoġġi lil San Publju bħala l-eroj spiritwali, Xerri joffri viżjoni ta’ Malta awtonoma, matura spiritwalment, u distintiva fil-kultura tagħha. Publju jsir aktar minn qaddis—jsir simbolu ta’ kuxjenza nazzjonali, tfakkira li anki f’mumenti ta’ assedju u oppressjoni, l-ispirtu Malti baqa’ sod.

Illum qed naraw ġerħa spiritwali: Il-Limitu tal-Kuxjenza Maltija dwar San Publju. Jaf forsi għadna nsoffru d-danni mill-perspettiva u l-ħsieb tal-Kavallieri, u llum għadna nwarrbu dak li hu tagħna. Lill-Maltin li huma xprun u xbieha tajba.

Qaddis fis-skiet

U madankollu, illum, il-memorja ta’ San Publju f’waqtiet qed tingħata l-ġenb.

Ismu rari nisimawh fil-Litanija Maltija tal-Qaddisin. Filwaqt li qaddisin oħra b’rabta aktar dgħajfa ma’ Malta jiġu msemmija, San Publju u anki Sant’Agata rari jkunu inklużi. Dan iwassal għal mistoqsija serja: qed ninsew lil tagħna stess? Il-Knisja, fil-formulazzjoni liturġika kontemporanja tagħha, jeħtieġ li tħares lejn il-pilastri spiritwali u storiċi tagħna.

San Publju llum

San Publju huwa xbieha ħajja ta’ mexxej. L-ewwel qaddis Malti kanonizzat. Jeħtieġ li dan kollu ma jitwarrabx. Illum qed niċċelebraw l-1900 sena mill-martirju ta’ San Publju. Ikun xieraq li apparti inizjattivi f’dan il-jum tal-Festa ta’ San Publju fil-Floriana, u inizjattivi li saru fil-Floriana u mill-Parroċċa, jittieħdu inizjattivi simili minn entitajiet oħra, u iva, mill-Knisja f’Malta, li jfakkru dan l-anniversaju.

L-appell biex nerġgħu nintroduċu lil San Publju fil-kuxjenza liturġika u nazzjonali tagħna mhuwiex sempliċi kapriċċ storiku—huwa sejħa biex il-fidi tagħna titħawwel mill-ġdid f’artna. F’dinja globalizzata dan jeħtieġ li jingħata importanza. San Publju jirrappreżenta Malta devozzjonali iżda mhux dipendenti; fdata iżda mhux minsija. San Publju r-ragħaj li jsostni l-karatteristiċi Maltin ta’ Malta ħanina. San Publju l-mexxej, il-gvernatur li kull min f’pożizzjoni li jwettaq il-politika għandu jħares lejh.

Kif juru r-riċerka ta’ Bonello u l-poeżija ta’ Xerri, San Publju ma kienx nota fil-qiegħ tal-paġna. Hu simbolu tal-oriġini spiritwali tagħna, u tfakkira li l-Maltin, anki quddiem l-akbar theddid, kienu kapaċi jħarsu ’l quddiem b’fidi f’dak li hu tagħhom.