Lokali

Żgħażagħ ta’ 17 u 18-il sena arrestati wara l-involviment tagħhom f’żewġ argumenti f’sikkina

Żewġ żgħażagħ ta’ 17 u 18-il sena ġew arrestati wara li kienu nvoluti f’żewġ argumenti li ġiet użata sikkina b’riżultat li numru ta’ persuni sofrew ġrieħi ħfief u gravi.

Dawn l-argumenti seħħew f’Paceville għall-ħabta tal-4:15 am fejn l-ewwel il-Pulizija daħlilha rapport li fi Triq Santa Rita tliet irġiel mir-Renju Unit li għandhom 31, 36 u 55 sena kienu qed isofru minn xi ġrieħi ħfief allegatament ikkawżati b’arma li taqta’ u bil-ponta. Tim mediku issejjaħ fuq il-post u dawn ittieħdu l-Isptar Mater Dei.

Fl-istess waqt il-pulizija ġew infurmati li hemm argument ieħor fi Triq Santu Wistin u sabu tliet żgħażagħ jargumentaw bejniethom.

Il-Pulizija intervjeniet u arrestat żewġ żgħażagħ Maltin ta’ 17-il sena u 18-il sena, fejn fil-pussess taż -żagħżugħ ta’ 17-il sena nstab li kellu sikkina. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li huma kienu qegħdin jargumentaw ma’ żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena li kellu xi ġrieħi allegatament ikkawżati minn sikkina.

Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li ż-żewġ persuni arrestati kienu involuti wkoll fl-argument li seħħ ftit aktar qabel.

Tim mediku reġa’ ssejjaħ fil-post, b’ambulanzi ħadu l-vittma ta’ 18-il sena, kif ukoll l-allegat aggressuri l-Isptar Mater Dei.

Aktar tard, tnejn mill-irġiel barranin ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi, l-ieħor ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief, filwaqt li t-tliet żgħażagħ l-oħra ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi ħfief..

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Ian Farrugia li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.