Raġel ta’ 39 sena mill-Gżira kien ikkundnannat ħames snin ħabs u mmultat €5,000 wara li nstab ħati li kkommetta tliet serqiet fi tlett ijiem. Matthew Camilleri, li diġà kien instab ħati għal każijiet oħra ta’ serq, kien mixli li fit-12 ta’ Novembru 2020 seraq il-flus minn The Convenience Shop, f’Santa Venera, u madwar nofsiegħa wara reġa’ daħal jisraq minn Ta’ Xmun Confectionery, f’Birkirkara.
Jumejn wara seraq minn The Convenience Shop ta’ Ħal Balzan. Camilleri nstab ħati wkoll li fixkel lil Kunstistabbli u Surġent tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom, kif ukoll li huwa riċediv. Fi proċess ieħor il-Qorti kienet wissiet bil-qawwa kollha lil Camilleri wara li ħareġ li kien ilu mal-20 sena fit-triq tas-serq u minkejja li ngħata diversi opportunitajiet mill-Qorti, baqa’ għaddej jisraq u jikser il-liġi.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo, semgħet kif it-tliet serqiet kienu seħħew kważi bl-istess mod. L-ewwel tidħol mara u titlob xi ħaġa lill-impjegati tal-ħanut biex jillargaw ‘il bogħod mill-bank, u fil-frattemp raġel liebes beritta u ‘hoodie’ kien jisraq mill-cash register.
Irriżulta li l-beritta kienet waħda partikolari, bil-pizz bil-fjuri u l-kliem Armani Exchange. Il-Pulizija għarfuha minn investigazzjoni oħra, li fiha kienu identifikaw lil Camilleri minn filmati tas-sigurtà fil-bank BOV, fejn kien liebes l-istess beritta u ntalab ineħħiha, biex jikxef wiċċu.
Il-prosekuzzjoni ressqet bosta provi, fosthom lokalizzazzjoni tal-mobiles tas-suspettati, u l-kuntatt telefoniku li kien hemm bejniethom, iżda l-prova ewlenija kienet ix-xhieda tal-kompliċi, identifikata bħala Sarah Zammit, li kkonfermat l-involviment tagħha u ta’ Camilleri fis-serqiet.
Minbarra li sabitu ħati, il-Qorti qieset għemilu fil-konfront tal-pulizija u l-fatt li diġà ngħata bosta opportunitajiet mill-Qorti biex jibdel ħajtu. Żiedet li ma wera ebda rimors għar-reati li wettaq. Fis-sentenza tagħha l-Maġisstrat Frendo Dimech kellha kliem iebes fil-konfront tal-ħati.
“L-imputat hu ta’ periklu u riskju kbir għas-soċjetà, lest jiddepriviha minn dak li tkun b’xogħolha u ħila stinkat għalih. Camilleri hu bniedem xprunat minn bruda totali għall-ħtiġijiet u bżonnijiet ta’ ħadd ieħor billi jieħu dak li ma kienx kapaċi jaqla’ hu sforz il-ħajja ta’ għażż u kriminali li qabad.
“Il-karattru tiegħu, kif tixhed b’mod mill-aktar lampanti l-fedina penali tiegħu, hu manifestazzjoni ta’
persuna nieqsa minn rispett lejn l-awtoritajiet mhux biss inkwantu tal-pportunitajiet li ngħata mill-qrati biex jindirizza l-iżbalji tiegħu u jaqbad it-triq tas-sewwa, iżda aktar konċernanti hu l-fatt li f’diversi okkażjonijiet instab ħati ta’ sewqan bla liċenzja, bla assikurazzjoni għall-terzi”, qalet il-Qorti.
Kompliet tgħid ukoll li ma jiddejjaq xejn iħuf fit-toroq u joħloq perikli gratwiti għall-pubbliku, kif lanqas ma għandu xi inibizzjoni jieħu l-frott ta’ għaraq ġbin ħaddieħor li jkun ħadmu għalih. Hi r-rebgħa nkontrollabbli tiegħu għal ġid tal-oħrajn biex jiffinanzja l-vizzji u kapriċċi tiegħu waslitu għall-inkarċerazzjoni.
Postu mhux fil-komunità u ċertament lanqas ma’ familtu li, mix-xiehda mismugħa rriżultat li minflok
inkorreġġewh u wissewh biex jirrispetta l-awtorità li l-Pulizija tirrappreżenta, ħaduha magħhom, jiddieħku biha meta minflok kellhom jagħtu ħarsa lejhom infushom u jaraw r-riżultat tat-trobbija li tawh. L-istess familtu qatgħet qalbha minnu, qalet ukoll il-Qorti.
Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti kkundannatu sentenza ta’ ħabs effettiva, u ordnat biex jekk ma jħallasx il-multa, din tinbidel ukoll f’sentenza ta’ ħabs. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.
//= $special ?>