Futbol Sport

Ħamrun Spartans fil-finali għar-rebħ tal-Kampjonat wara l-għoti tal-penalties

FUTBOL LOKALI – KAMPJONAT 360 SPORTS MALTA PREMIER

Ritratt: Joseph Galea

minn Andrè Muscat

FLORIANA………….. 0 (2)

ĦAMRUN SPARTANS………. 0 (4)

Floriana: C. Mafoumbi, O. El Hasni, J. Grech, D. Vella (E. Mashike 101’), J. Portocarrero (S. Yameogo 90+3), O. Spiteri, G. Gamarra, F. Sasere, A Kouro, A. Garzia (Z. Scerri 90+3), G. Fernando

Ħamrun Spartans: H. Bonello, S. Borg (E. Marcelina 98’), S. Xerri (C. Menacho 74’), J. Mbong, R. Prsa (M. Klepac 113’), J. Cadenovic, E. Domingos (D. Letterby 98’), O. Bjelicic, R. Mihana (L. Talison 83’), R. Camenzuli, R. Lopes

Skorjaw: G. Fernando (F), E. Marcelina (ĦS), J. Cadenovic (ĦS), J. Mbong (ĦS), J. Grech (F), R. Lopes (ĦS)

Imwissija: G. Fernando 15’ (F), S. Xerri 20’ (ĦS)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Mitchell Scerri u Vasil Vasilev

Fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fit-tieni Semifinali għar-rebħ tal-Kampjonat Premier, l-Ispartans jagħmluha għall-finali biex nhar is-Sibt jilagħbu kontra rebbieħ tal-ewwel Semifinali Birkirkara.

Stennejna sas-7 minuta biex rajna l-ewwel azzjoni denja ta’ gowl fil-partita, meta l-plejer bin-numru 20 Cadenovic tal-Ispartans ifajjar xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa l-kbira, bil-goalkeeper tal-Greens attent isalva b’diffikultà.

Ħamrun ikunu perikolużi għall-darb’oħra, fis-17-il minuta meta Redon Mihana avvanza lejn il-kaxxa Furjaniża, biex fajjar xutt minn 30 metru bogħod bil-ballun jgħaddi ftit barra u l-iskor jibqa’ ma jinfetaħx.

Bl-ewwel 45 minuta kumbattuti b’ħafna logħob b’saħħtu f’nofs il-ground, iżda taqsima nieqsa mill-azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi, l-uffiċjal tal-partita Fyodor Zammit jibgħat lit-tim tal-Greens u dak tal-Ispartans jistrieħu f’parita ta’ 0-0.

L-aktar azzjoni perikoluż fil-partita tasal 8 minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, meta cross mix-xellug tal-internazzjonali Malti Ryan Camenzuli lejn Lopes, bl-attakant Brażiljan tal-Ispartans bir-ras jara t-tentattiv tiegħu jgħaddi jħokk mal-minduda.

Floriana jirrispondu minuta wara meta azzjoni personali ta’ Fernando, l-attakant tal-Greens ifajjar xutt minn barra l-kaxxa, bil-ballun jgħaddi ftit barra mill-wieqfa.

Tasal azzjoni oħra fis-56 minuta meta jkun Joseph Mbong ta’ Ħamrun li jirċievi l-ballun mingħand Lopes, bl-internazzjonali Malti xi ftit issikkat jittanta xortih iżda Mafoumbi jsalva bla diffikultà.

Fis-67 minuta Floriana viċin li jiżblokkaw ir-riżultat, meta l-captain tal-Greens jgħaddi l-ballun lejn Fernando, bil-Brażiljan jara x-xutt tiegħu jispiċċa ftit għoli mil-lasti ta’ Bonello.

Wara 90 minuta logħob l-iskor baqa’ ma nfetaħx, b’hekk ir-referee Fydor Zammit saffar tmiem it-tieni taqsima, biex it-tieni semifinali għar-rebħ tal-Kampjonat Premier tmur ukoll għall-ħin barrani.

Fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani ma jkun hemm l-ebda azzjoni perikoluża mit-timijiet rispettivi sat-tisfira tat-tmiem it-taqsima, biex b’hekk l-iskor jibqa’ ma nfetaħx.

Wara 120 minuta logħob il-partita tispiċċa fid-draw ta’ mingħajr goals, biex il-partita tmur għall-għoti tal-penalties, biex b’hekk insiru nafu min se jilgħab fil-finali ta’ nhar is-Sibt kontra Birkirkara.

Kienu Ħamrun li wara l-għoti tal-penalties jagħmluha għall-finali ta’ nhar is-Sibt meta għelbu lill-Greens 4-2.