Lokali Parlament

Il-Parlament isellem lil Francis Zammit Dimech u jiddeskrivih bħala politiku integru li jwarrab il-konfront

Il-Parlament Malti llejla sellem lill-Eks Aġent President tar-Repubblika Francis Zammit Dimech u ddiskrivih bħala politiku integru, onest u li jwarrab il-konfront.

F’din it-tislima tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Francis Zammit Dimech għex 30 sena ta’ ħajja parlamentari b’dekor u sostna li Francis Zammit Dimech kien bniedem integru, jemmen fir-raġuni u jevita l-konfront.

Franics Zammit Dimech kien dejjem jipprova jsib il-kompromess, sostna l-Prim Ministru, li kompla li Francis Zammit Dimech kien jokkupa l-kariga ta’ Aġent President b’sens ta’ kburija kbira.

Il-pajjiż tilef ġentlom fil-politika, sostna l-Prim Ministru, li kompla li anki fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu meta kien ibati, Francis ikkomunika miegħu b’sens ta’ edukazzjoni anki meta kien qed ibati. Il-pajjiż għandu jieħu l-eżempju ta’ Francis Zmmit Dimech, partikolarment id-deputati parlamentari.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Francis Zammit Dimech kellu ħafna affarijiet għal qalbu fosthom il-politika u n-nies, u għalhekk kien bniedem innovattiv u kuraġġuż li fil-pajjiż irnexxielu jagħmel rivoluzzjonijiet kbar anki meta laħaq ministru.

Fost dawn kien hemm l-ewwel telefonata bil-mobile, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li fakkar li Francis Zammit Dimech kien bniedem li ħabb ħafna x-xandir fejn kien espert. Francis Zammit Dimech kien jemmen li x-xandir għandu jwassal il-verità lin-nies, sostna l-Kap tal-PN.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Francis Zammit Dimech kellu sens kbir ta’ umiltà minkejja li kien ġgant politiku. Francis Zammit Dimech kien bniedem ta’ rispett kbir fejn il-ħatra ta’ Aġent President tar-Repubblika kien il-qofol tal-karriera tiegħu, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.