Lokali Parlament

Ir-rapport dwar l-iżvilupp sostenibbli ma jitrattax kwistjonijiet importanti

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal fil-Parlamnet li r-rapport dwar l-iżvilupp sostenibbli ma jitrattax kwistjonijiet importanti li għandhom ikunu trattati b’urġenza fil-pajjiż.

Carm Mifsud Bonnici qal li r-rapport dwar l-iżvilupp sostenibbli hu mmarkat minn lista ta’ inizjattivi li l-gvern intrabat li jagħmel iżda m’hemmx l-isfidi li jridu jsiru fil-pajjiż. Hu kompla li d-dokument m’għandux linja li jiddikjara l-isfidi u jiddefinixxi fejn il-gvern irid jasal.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ħafna mill-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies mhumeix indirizzati fid-dokument u qal li għandu jsir enfasi fuq id-demokrazija għaliex parti sostanzjali tal-poplu ma tridx tieħu sehem fil-proċess elettorali. Hu enfasizza l-importanza ta’ midja b’saħħitha li qed tikkumbatti d-diffikultajiet finanzjarji kbar biex din tkun tista’ topera. Kull gazzetta għandu jkollha fondi mill-Istat biex din tkun tista’ topera.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ħafna minn dak li qed jintqal f’din id-diskussjoni se jintesa u sostna li d-deputati wkoll għandhom problemi kbar biex iwasslu l-messaġġi tagħhom lill-elettorat. Hu kkritika l-fatt li s-seduti parlamentari mhumiex ikunu rappurtati u spjega kif id-deputati qed jiffaċċjaw diversi sfidi. M’hawnx wisq deputati, sostna Carm Mifsud Bonnici, li qal li l-problema hi li d-deputati mhumiex jinstemgħu biżżejjed.

Hu qal li l-vuċi tal-ħaddiema mhjiex tinstema’ għaliex qed tinstema’ biss il-vuċi ta’ min għandu l-flus. Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar is-settur tax-xogħol u l-abbużi li hemm fil-kuntest ta’ kategorija ta’ ħaddiema. L-ebda ħaddiem m’għandu jintbagħat lura lejn pajjiżu u m’għandu jkun hawn l-ebda retorika faxxista jew razzista fil-konfront ta’ xi ħaddiema li jissejħu platform workers.

Carm Mifsud Bonnici kompla li d-dokument ma jitrattax l-aspett li l-affarijiet fil-lokalitajiet ikunu miżmuma tajjeb.